Ekonomija Lokali

“Inħarsu ‘l quddiem biex nibqgħu nikkonsultaw” – Bernard Grech

“Inħarsu ‘l quddiem biex nibqgħu nikkonsultaw. Nemmnu fikom u fil-ħiliet tagħkom. Flimkien nistgħu nagħmlu politka aħjar, ekonomija b’saħħitha u ntejjbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan kollu, biex ngħixu ħajja ta’ kwalita aħjar.” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ. Laqgħa li għaliha kien akkumpanjat minn 12-il kelliem tal-partit, jiġifieri terz tal-grupp parlamentari.

Minn naħa tiegħu, Bernard Grech stqarr li l-PN għandu obbligu li jkun partit aħjar u oppożizzjoni aħjar. Hu spjega kif bħalissa għaddej process ta’ titjib li jrid jibqa’ għaddej. Dan meta stqarr li t-tiġdid itina l-opportunita li niddiversifikaw ruħna u nirrelataw man-nies, bl-użu tal-ħiliet ta’ kull persuna.

Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun qed iżżomm taht il-lenti, il-ħidma tal-Gvern. Dan billi ssir kritika kostruttiva biex taċċerta’ li l-pajjiż jitmexxa b’mod tajjeb. Bernard Grech spjega kif il-pajjiz għandu numru ta’ problemi li minnhom qed jiġu affetwati numru kbir ta’ nies. Hawnhekk għamel aċċen partikolari għall-għoli tal-ħajja li qed taffettwa lil kulħadd. Kif għamel matul il-Kampanja Elettorali, il-Kap tal-PN saħaq fuq l-importanza li nsaħħu s-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna u li anke jinħolqu setturi ġodda għaliex hemm bżonn ta’ ekonomija reżiljenti u effiċjenti li minnha jinħoloq xogħol ta’ kwalità.

Fost il-punti li qajjem, Bernard Grech saħaq fuq il-bżonn ta’ tiġdid u riforma fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, dwar reviżjoni tas-sistema tat-tassazzjoni fiskali u tat-trasformazzjoni tas-settur pubbliku fejn tiżdied l-effiċjenza, filwaqt li jkun aċċertat level playing field.

Il-President tal-Malta Chamber, Marisa Xuereb, minn naħa tagħha tkellmet dwar diversi prijoritajiet li għandhom jittieħdu mill-partiti politiċi biex kemm huma, kif ukoll il-pajjiż, jimxu ‘l quddiem. Fost l-oħrajn hija semmiet il-bżonn tat-trasparenza, l-konsistenza, id-diversità, is-sostenibilità u l-kredibiltà. Marisa Xuereb saħqet ukoll fuq l-importanza ta’ qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni permezz ta’ maturità politka. Kif ukoll fuq l-importanza li mhux biss niġġeddu b’uċuh ġodda imma li nagħtu importanza mistħoqqa lill-esperjenza.

Matul din il-laqgħa l-Kamra tal-Kummerc preżentat preżentazzjoni bit-tema, ‘Time to step up’, b’5 pilastri ewlenin ta’ prijoritajiet għal din il-leġislatura biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Dan b’diversi proposti ta’ numru ta’ riformi li għandu bżonn il-pajjiż.