Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Lejn elezzjonijiet lokali kruċjali għall-Gvern ta’ Boris Johnson

LONDON, UNITED KINGDOM - 2021/05/06: Polling Station sign as voters cast their votes on Super Thursday for the London Mayoral election which was postponed for a year following Covid-19 pandemic outbreak in the UK in 2020. (Photo by Dinendra Haria/SOPA Images/LightRocket via Getty Images)

Il-poplu fir-Renju Unit, fis-sigħat li ġejjin, se jivvota fl-elezzjonijiet lokali li se jsiru madwar il-pajjiż u li mistennija jkollhom impatt sinifikanti għall-Gvern Konservattiv immexxi minn Boris Johnson.

Fil-fatt, il-kapijiet Konservattivi u r-rappreżentanti ewlenin tal-partiti tal-Oppożizzjoni użaw dan il-jum – l-aħħar wieħed tal-kampanja – biex jappellaw lill-votanti li għadhom mhumiex deċiżi dwar fejn għandu jmur il-vot tagħhom.

Il-kapijiet politiċi fl-aħħar sigħat kienu qed iżuru l-aktar distretti importanti – magħrufin bħala ‘political battlegrounds’ – qabel il-vot tal-Ħamis li qed jitqies bħala evalwazzjoni prinċipali għall-Gvern ta’ Johnson.

Il-votanti, intant, għandhom jeleġġu lill-kunsilli li qed imexxu s-servizzi fl-Ingilterra, Wales u l-Iskozja, flimkien mal-gvern fl-Irlanda ta’ Fuq. L-elezzjonijiet lokali huma wkoll eżami għall-partiti fuq bażi lokali u mistennija jirriflettu anki t-tħassib popolari dwar issues ta’ livell nazzjonali.

Il-votanti, b’hekk, kapaċi jesprimu l-opinjoni dwar kif il-Gvern ta’ Johnson qed jaġixxi fir-rigward tal-konflitt fl-Ukrajna. Dan meta mhux eskluż li numru ta’ Britanniċi jistgħu anki jużaw il-vot lokali biex jikkundannaw lil Boris Johnson għall-parties li saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru waqt il-lockdown kif ukoll dwar l-aħħar żidiet sinifikanti fl-għoli tal-ħajja.

Fid-dibattiti politiċi tal-aħħar jiem, spikkat l-issue tal-għoli tal-ħajja, meta l-inflazzjoni fir-Renju Unit tela’ sal-ogħla livell tul l-aħħar 30 sena b’kaġun tal-qabża kbira fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.

Il-Prim Ministru Johnson, fl-aħħar stqarrijiet għall-istampa, qal li jifhem li l-poplu qed iħoss il-piż tal-ispejjeż tal-ħajja u sostna wkoll li l-Gvern tiegħu qed jagħmel li jista’ biex jiżviluppa l-ekonomija ħalli jindirizza din is-sitwazzjoni.

Fl-aħħar appell lill-votanti Britanniċi, Johnson fakkar li l-Gvern tiegħu, f’dawn il-ġimgħat, ma żammx lura mill-għajnuna lill-familji minbarra li permetta wkoll  il-ħlas tar-rebates tat-taxxa lill-poplu mingħand il-kunsilli.