Internazzjonali

Ir-Russja: L-ebda dikjarazzjoni ta’ ‘gwerra’ fil-Jum tar-Rebħa

Il-Kremlin ta’ Moska  ċaħad għall-ispekulazzjoni li l-President Russu Vladimir Putin qed jaħseb biex jiddikjara ‘gwerra totali’ fuq l-Ukrajna u ladarba, r-Russja, fid-9 ta’ Mejju, tiċċelebra il-ġurnata dedikata lir-rebħa tal-eks Unjoni Sovjetika fuq il-Ġermanja Nażista, matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Fl-aħħar ġranet irrankaw l-għajdut li Putin – li jinsab iddisprat biex iħabbar ‘xi suċċess militari kbir’ waqt il-Jum tar-Rebħa – kien qed jaħseb biex jikkonferma offensiva akbar fl-artijiet Ukreni bħala pass li jirrikjedi mobilizzazzjoni akbar tal-qawwiet Russi fuq livell nazzjonali.

Il-Jum tar-Rebħa hi l-akbar festa pubblika tar-Russja li ssir kull sena fid-9 ta’ Mejju. Dan meta l-eks Unjoni Sovjetika ( bir-Russja fi ħdanha) kienet tilfet ‘il fuq minn 20 miljuni matul it-Tieni Gwerra.

Intant, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, nhar it-Tnejn, għandu jagħmel diskors dwar il-konflitt fl-artijiet Ukreni u fejn anki se jsegwi parata militari kbira fil-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska.

Min-naħa tiegħu, il-kelliem għall-Kremlin, Dmitry Peskov, fisser l-għajdut dwar ‘gwerra akbar fl-Ukrajna’ bħala spekulazzjoni mingħajr bażi waqt li enfasizza li l-qawwiet Russi mhumiex se jżidu l-livell tal-invażjoni.

Dan meta Moska għadha qed tinsisti biex tfisser l-invażjoni tal-Ukrajna bħala ‘azzjoni militari speċjali’ u mhux bħala gwerra.