Lokali Saħħa

L-MUMN tappella lill-Gvern biex jirrevedi u jwaqqa’ l-akkużi fil-konfront ta’ Joe Pace

L-MUMN qed titlob lill-Gvern sabiex jirrivedi u jwaqqa’ l-akkużi konta l-infermier u l-manager fl-isptar Monte Carmeli Joe Pace… li intortament qed jaffaċċja akkużi ta’ negliġenza minħabba li l-Ministru tas-Saħħa naqas milli jinforma lill-Korp tal-Pulizija dwar in-nuqqas kbir ta’ infermieri sabiex dawn ikunu jistgħu joffru servizz kontinwu lill-pazjenti b’kundizzjonijiet psikjatriċi severi b’ordni tat-tabib … bħala parti mill-kura tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu quddiem l-Isptar Monte Carmeli ħarġu fid-deher ir-rabja u d-dispjaċir li għandhom l-infermieri li jaħdmu f’dan l-Isptar hekk kif minħabba nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern, qed jispiċċaw ibatu huma kif ukoll il-pazjenti. Apparti dan qed isiru wkoll akkużi fil-konfront tagħhom li mhumiex ġusti fuqhom.

Paul Pace qal li minħabba n-nuqqasijiet tat-tmexxija tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-infermiera u l-qwiebel qed iħallsu prezz qares, lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom. Dan hekk kif mhux ġust li jispiċċaw jeħlu l-infermieri minħabba li m’hemmx infermieri biżżejjed sabiex jagħtu servizz.

Bosta infermiera instemgħu jitolbu għar-riżenja ta’ Chris Fearne, b’oħrajn jitolbu sabiex issir ġusitizzja immedjatament.

Paul Pace iddikjara b’mod ċar li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll is-Segretarju Permanenti għandhom iġorru r-responsabbiltà ta’ dak kollu li qed jiġri f’dan l-Isptar. Żied jgħid li l-Pulizija ma kinux kapaċi jtellgħu l-Qorti lil dawn iż-żewġ persuni iżda minflok akkużaw lil ħaddiem… akkużi li jistgħu jwassla għal sentenza ta’ Ħabs.  

L-infermier Joe Pace kien deskritt bħala ħaddiem eżemplari maħbub minn kulħadd li dejjem jara kif se jgħin lill-pazjenti u anke lill-kollegi tiegħu. Turija ċara ta dan kien l-ammont kbir ta’ infermieri li nġabru quddiem l-Isptar Monte Carmeli sabiex jagħtuh is-sapport kollu tagħhom.

Paul Pace qal li l-MUMN mhux se tieqaf tagħmel pressjoni sakemm issir ġustizzja u ma jeskludix li jittieħdu azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet kollha.

Il-President tal-MUMN fakkar ukoll fl-istat li jinsab fih l-Isptar Monte Carmeli… sptar li qatt ma sar investiment fih tant li spiċċa sptar mhux adegwat, kif ukoll fakkar fil-wegħda ta’ sptar ġdid li għadha ma twettqitx.

Paul Pace saħaq li l-kura mentali mhux qed tingħata l-importanza li tixirqilha bil-konsegwenza li qed jispiċċaw ibatu l-pazjenti u f’ċerti ċirkostanzi, anke l-ħaddiema.