L-awtoritajiet ta’ Iżrael — flimkien mal-Lhud influwenti madwar id-dinja – mhumiex se jinsew malajr il-kummenti ta’ Ministru ewlieni tar-Russja fis-sens li l-eks Mexxej Nażista Adolf Hitler ‘kellu demm Lhudi’. Dan meta l-gwerra bil-kliem li għaddejja bħalissa bejn Iżrael u r-Russja kapaċi tiżviluppa fl-akbar kriżi diplomatika ( bejn il-pajjiżi) għal ħafna snin.
Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, ħareġ bil-kumment li jinvolvi lil Hitler biex jiġġustifika l-propaganda kontinwa ta’ Moska li qed tpitter lill-Ukrajna bħala ‘reġim Nażista’ minkejja li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, huwa Lhudi pur.
Intant, Iżrael qed jinsisti għal apoloġija formali minn Moska iżda r-Russi ma jidhrux li huma lesti għal dan il-pass.
.Il-Ġermanja Nażista kienet qatlet madwar sitt miljun Lhud waqt l-Olokawst li kien l-aktar kapitlu iswed tat-Tieni Gwerra Dinjija (bejn l-1939 u l-1945).
Intant, Sergei Lavrov ħareġ bir-rimarki kontroversjali waqt intervista mal-programm Zona Bianca ( li jixxandar fl-Italja) ftit jiem biss wara li Iżrael kien fakkar jum l-Olokawst bl-aktar mod solenni.
Mistoqsi għalfejn ir-Russja qed tinsisti bl-istqarrijiet dwar ‘il-ħtieġa li jinqerdu l-elementi Nażisti mill-Ukrajna’ Lavrov qal, bla tlaqliq, li ‘Adolf Hitler ukoll kellu demm Lhudi u l-fatt li Zelensky huwa wkoll Lhudi ma jfisser assolutament xejn’. Il-Ministru Russu kompla li anki l-Lhud jammettu li l-akbar anti-Semiti fid-dinja, fil-parti kbira, ġejjin mill-familji tal-Lhud.
Dawn il-kliem qanqlu reazzjoni rabbjuża minn kull rokna tal-ispektrum politiku ta’ Iżrael – bil-Prim Ministru Iżraeljan, Naftali Bennett, isostni li ‘ir-Russja qed tigdeb għall-iskopijiet tagħha biss’. Bennett anki kkundanna l-kalunji minn Moska li qed jippruvaw juru lil-Lhud bħala ħatja għall-agħar reati fl-istorja. U skont il-Prim Ministru Iżraeljan, dan kollu qed jinkwadra fi pjan malinn biex ‘titneħħa kull ħtija minfuq spallejn l-oppressuri tal-Lhud’.
Il-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, sdanittant. reġa’ sostna li l-kliem ta’ Lavrov ‘mhux se jinħafer kif ġieb u laħaq’. Dan meta l-aktar ħaġa ta’ stmerrija għall-Iżraeljani hi li Lavrov – f’isem il-Kremlin – ipprova jmexxi idea kompletament mingħajr bażi li ‘Adolf Hitler, il-bniedem responsabbli mill-qerda ta’ miljuni tal-Lhud, seta’ kellu dixxendenza Lhudija’.
L-osservaturi f’Ġerusalemm qed jgħidu li livell ta’ rabja għall-kummenti tal-Ministru Russu jirriflettu ‘is-sens ta’ uġigħ’ għal-Lhud madwar id-dinja minħabba aġir daqstant imprudenti, insensittiv u ostili minn rappreżentant ta’ Moska.
//= $special ?>