Ekonomija Lokali

“Se npoġġu l-interess nazzjonali l-ewwel” – Jerome Caruana Cilia

“Se npoġġu l-interess nazzjonali l-ewwel. Jekk ikun hemm bżonn niddefendu l-interess ta’ Malta fuq livell ta’ Unjoni Ewropea. Qegħdin hawn biex ngħinu u għalhekk qed nerġgħu noħorġu l-id tal-ħbiberija lill-Gvern, għall-ġid ta’ pajjiżna. Nittamaw li din l-offerta ma tiġix injorata.” – Dan kien il-messaġġ li wassall il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia meta kien qed jindirizza l-14-il edizzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tat-Tassazzjoni.

Id-Deputat tal-PN saħaq li dan ta’ bħalissa, huwa bla dubju perjodu ta’ sfidi bla preċedent. Dan meta spjega l-isfidi li ġabet magħha l-Pandemija tal-COVID-19 kif ukoll dawk li diġa qed jinħassu, kawża tal-Gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.

Jerome Caruana Cilia saħaq fuq l-importanza li niffaċċjaw dawn l-isfidi, b’front magħqud kif għamilna ħafna drabi fil-passat, bil-għan li nimxu ‘l quddiem, flimkien, għall-ġid tal-pajjiż, hija l-unika triq ‘il quddiem.

Matul id-diskors tiegħu, il-Kelliem tal-Finanzi spjega d-diversi modi li bihom pajjiżna jista’ jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċja. Dan mingħajr ma jintlaqtu ħażin il-familji u n-negozji. Fost l-oħrajn, tkellem dwar, ir-Regoli tal-Prezzijiet u l-abbozz ġdid tat-taxxa li minnu l-gvern qed jaċċertà li ma jesperjenza ebda nuqqas fid-dħul.

Caruana Cilia spjega kif sfortunatament, l-Oppożizzjoni ma ġietx ikkonsultata dwar dawn l-aħħar tibdiliet. Hu stqarr li fuq politika daqshekk sensittiva u kritika għal pajjiżna, fil-passat, dejjem kien hemm kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Id-Deputat tal-PN wiegħed li l-Oppożizzjoni, se tibqa’ torganizza sensiela ta’ laqgħat mal-istakeholders kollha biex taċċerta’ l-interessi u l-benesseri ta’ kulħadd.