Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ Victor Caruana fl-età ta’ 74 sena. Caruana kien attiv ferm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fejn serva għal diversi snin bħala Kunsillier fil-lokalità ta’ Ħal Luqa.
Huwa kien ukoll President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fl-istess lokalità.
Victor kellu ferm għal qalbu lill-Partit Nazzjonalista fejn baqa’ sal-aħħar jagħti l-ħidma tiegħu fil-Każin tal-Partit f’Ħal Luqa.
Huwa kien miżżewweġ u kellu żewġt ibniet. Il-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Media.link Communications jagħtu l-kondoljanzi lill-familja Caruana.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Victor Caruana, Kunsillier Lokali ta’ Ħal Luqa sa mill-ewwel elezzjoni tal-Kunsilli, Viċi Sindku għal xi żmien u baqa’ jikseb il-fiduċja sal-aħħar elezzjoni li kkontesta. Victor Caruana kien ukoll attiv għal għexieren ta’ snin fil-Kumitat Sezzjonali fl-istess lokalitá u kien għadu l-President ta’ dan il-kumitat.
Victor jibqa’ mfakkar bħala bniedem leali lejn il-Partit u ħadem mhux ftit b’risq il-Partit Nazzjonalista. Victor Caruana kien attiv ħafna wkoll fil-komunitá u fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familjari ta’ Victor Caruana.
