Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi jiftħu ‘l-aħħar offensiva kbira’ fuq id-difensuri ta’ Mariupol

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, fetħu l-akbar offensiva s’issa fuq l-aħħar truppi Ukreni li għadhom qed jirreżistu minn faċilità industrijali kbira fil-belt ta’ Mariupol. Dan meta s-sorsi fi Kiev qalu li r-Russi ‘mhumiex beħsiebhom li jieqfu sakemm jeliminaw l-aħħar suldat Ukren’ fil-kumpless industrijali ta’ Azovstal, li sa ftit ilu kien qed jipproduċi l-azzar.

Il-kumpless inkwistjoni ilu l-aħħar ġimgħat iservi bħala l-aħħar fortizza tat-truppi Ukreni f’Mariupol. Dan meta kelliema għall-Gvern Ukren qed jammettu li t-telfa ta’ din il-belt tal-port, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna, għandha tkun  diżastruża għall-pajjiż, minbarra li tkun l-ewwel rebħa militari kbira għall-President Russu Vladimir Putin mindu beda l-invażjoni tal-ġar, fl-24 ta’ Frar.

L-attakki tar-Russi intensifikaw waqt il-jum fost indikazzjonijiet li kien fadal madwar 200 ċivili maqbudin fid-diversi partijiet tal-kumpless. Intant, ir-Russi indikaw li kienu lesti għal pawża fil-ġlied biex jippermettu l-evakwazzjoni ta’ ċivili permezz ta’ rotta speċifika li kellha tinfetaħ għal raġunijiet umanitarji.

Kien hemm ukoll il-kelliema f’Moska li ċaħdu li l-qawwiet Russi kienu qed jassedjaw il-faċilità industrijali — iżda l-Ukreni sostnew li ‘din għandha tkun l-aħħar battalja għall-kontroll tal-kumpless’ u li tiddetermina l-futur ta’ Mariupol ( li l-parti kbira tagħha tinsab diġà taħt okkupazzjoni Russa).

Xi rapporti qalu li l-qawwiet Russi rnexxielhom, għall-ewwel darba, jinfiltraw xi sezzjonijiet tal-faċilità industrijali —  bil-kelliema jsostnu li r-Russi ‘mhuma qed iżommu xejn lura’ biex jirbħu l-battalja mad-difensuri tal-impjant li jinkludu qawwiet elitisti tal-Battaljun Azov tal-Ukrajna.

Mariupol ilha l-ġimgħat taħt attakk kontinwu u f’każ li r-Russi jegħlbu lill-aħħar suldati fil-faċilità ta’ Azovstal  huma jistgħu jaċċertaw minn hub importanti li jiffaċilita t-trasport tat-truppi u l-munizzjon lejn il-lvant tal-Ukrajna u zoni tal-gwerra oħrajn. Dan meta r-Russja qed tkompli bl-offensiva fl-artijiet Ukreni tal-Lvant, bil-ħsieb li tistabbilixxi kontroll sħiħ fuq ir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk fejn hemm preżenza kbira ta’ separatisti li jappoġġjaw lil Moska.

Fl-aħħar sigħat ukoll, kien mistenni li jidħol fis-seħħ waqfien mill-ġlied f’inħawi partikulari ta’ Mariupol u bit-tama li jżomm għal talanqas tlett ijiem. Madankollu, is-sitwazzjoni baqgħet inċerta ħafna meta fl-aħħar ġimgħat ikkrollaw diversi ftehim simili, fost il-periklu akbar għaċ-ċivili fl-inħawi.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, issa, talab lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres biex jgħin aktar għall-evakwazzjoni tan-nies feruti mill-faċilità industrijali ta’ Mariupol.

Fl-istess ħin, kien hemm ukoll xi aħbar pożittiv, b’Zelensky, fl-aħħar diskors lill-pajjiż, jikkonferma li madwar 350 Ukreni li kienu evakwati minn Mariupol u s-sobborgi tagħha rnexxielhom jaslu ‘qawwijin u sħaħ’ fiċ-ċentru għar-refuġjati fl-inħawi ta’  Zaporizhzhia.