Il-Ministru Russu għad-Difiża, Sergei Shoigu , ħareġ l-aktar twissija ċara lill-Alleanza tan-NATO biex ma tibgħatx aktar għajnuna militari lill-Ukrajna.
U waqt li l-qawwiet Ukreni qed jużaw l-armamenti mogħtija mill-Punent biex jeqirdu t-tankijiet tal-gwerra, l-ajruplani u d-drones militari tar-Russi, il-Kremlin qed jgħid li l-mezzi tat-trasport tan-NATO li jaslu fit-territorji ta’ xi pajjiż (huma u jwasslu l-armi u t-tagħmir lill-Armata Ukrena) kapaċi jitqiesu bħala ‘mira leġittima’ għall-bombi u l-missili tar-Russja.
Diversi sorsi f’Moska qalu li ‘mhumiex se jittolleraw’ li l-Ukreni jkomplu jirċievu l-armi ta’ ċertu kalibru mingħand ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra. Dan meta r-Russja qed takkuża lin-NATO b’li qed tmexxi ‘mewġa wara oħra ta’ armamenti lill-Ukreni bil-ħsieb li l-gwerra tal-Ukrajna tibqa’ għaddejja għat-tul taż-żmien.’
Madankollu, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Punent huma determinati biex jibqgħu jagħtu l-armi lill-Ukreni ħalli jirreżistu lill-qawwiet tal-Kremlin u joħorġuhom minn pajjiżhom. Dan għaliex f’każ li l-Ukrajna ċċedi f’din il-gwerra, il-Kremlin kapaċi, ‘il quddiem, jaħseb biex jinvadi lill-pajjiżi ġirien li wħud minnhom huma membri tan-NATO.
Dan meta żdiedu s-sinjali li l-President Russu Vladimir Putin jista’ qed jaħseb biex ‘idawwar l-arloġġ lura’ għaż-żmenijiet tal-imperu komunista tal-eks Unjoni Sovjetika.
//= $special ?>

