Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-Ungerija mhix lesta li twarrab għaż-żejt mingħand ir-Russja

 

L-Ungerija tinsab lesta biex teżerċita d-dritt tal-veto għall-miżura tal-Unjoni Ewropea biex tipprojbixxi l-importazzjoni taż-żejt mingħand ir-Russja.

Is-Segretarju Ungeriż għall-Komunikazzjonijiet u Relazzjonijiet Internazzjonali, Zoltan Kovacs, waqt kummenti lill-BBC tar-Renju Unit, qal li l-proposta ‘biex l-Ewropa tagħlaq il-bieb għaż-żejt mir-Russja’ mhix aċċettabbli u – f’każ li tkun implimentata — ‘din għandha tkisser lill-ekonomija tal-Ungerija’

Il-kummenti – u l-pożizzjoni tal-Ungerija – tefgħu f’dubju l-proposta dwar il-projbizzjoni għaż-żejt mir-Russja għall-Ewropa u li għandha tkun daqqa ta’ ħarta lill-Kremlin ta’ Moska li qed jippersisti bil-gwerra fl-Ukrajna. Dan meta l-proposta teħtieġ l-approvazzjoni tas-27 Stati-membri ( kollha) tal-UE, u meta mhux eskluż li pajjiżi oħra, ‘il quddiem, jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-Ungerija.