Lokali

Il-PN favur innovazzjoni sostenibbli b’risq l-ambjent

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat favur innovazzjoni sostenibbli li tirrispetta lill-ambjent ta’ madwarna.”

Hekk stqarr il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit waqt summit bl-isem ta’ ‘MARE’ – summit illi sar f’pajjizna u li kien mifrux fuq jumejn, fejn ġew diskussi l-isfidi li nħolqu waqt il-pandemija għal persuni involuti fis-settur tal-propjetà u kif dawn addattaw għalihom.

Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Gvern biex minnufih jibda proċess halli jingħataw fondi adekwati lil dan is-settur sabiex wieħed javvanza filwaqt li titjieb il-kwalità ta’ ħajja għal kull persuna.

Stanley Zammit innota kif fil-passat pajjiżna dejjem ħadem biex jara li jiżviluppa permezz ta’ tkabbir sostenibbli, bil-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jkun qed jagħmel dan anke fis-snin li ġejjin.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li wieħed m’għandux isibha diffiċli biex jasal għad-drittijiet tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjanar. Hu fakkar li l-parteċipazzjoni attivà tal-komunità ttejjeb il-governanza f’pajjiżna.

Stanley Zammit qal li kemm-il darba kelmuh persuni li jaħdmu fil-propjetà li jgħidulu li hemm bżonn riforma radikali fil-proċess tal-ippjanar, bil-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh dwar riforma ta’ dan it-tip. U dan qed jippermetti l-inġustizzji.

May be an image of 2 people