Il-poplu fir-Renju Unit għaddej bl-aħħar fażi tal-elezzjonijiet lokali li qed jitqiesu bħala eżami kruċjali għall-Prim Ministru Boris Johnson li l-leġislatura tiegħu waslet nofs-triq fuq livell nazzjonali.
Miljuni ta’ nies madwar ir-Renju Unit qegħdin jivvutaw, bħalissa, fid-diversi ċentri u meta fl-Ingilterra qed isiru l-elezzjonijiet għal 4,360 rappreżentant għal 146 kunsill. Intant, fl-Ingilterra għaddejjin ukoll xi elezzjonijiet għall-kariga ta’ Sindku.
Aktar minn 1,800 siġġu fil-kunsilli lokali jinsabu f’Londra fejn qed ikunu kkuntestati r-rappreżentanti ta’ kull borough fil-kapitali.
Il-mexxejja tal-partiti politiċi rispettivi kienu fost l-ewwel li ħarġu jivvutaw f’dan il-jum sinifikanti u li kienu jinkludu l-Prim Ministru Johnson, bħala l-Kap tal-Konservattivi fil-Gvern u Keir Starmer, li jmexxi l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament Ingliż.
Ħareġ jivvota wkoll Ed Davey, li jmexxi lil-Liberali Demokratiċi waqt li Nicola Sturgeon, il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja u Kap tas-Scottish National Party tefgħet il-vot tagħha fi Glasgow.
Elezzjonijiet oħra kruċjali qed isiru fl-Irlanda ta’ Fuq li tifforma parti mir-Renju Unit u li meqjusa bħala reġjun u daqstant ieħor provinċja Britannika. F’din l-elezzjoni r-residenti jridu jagħżlu r-rappreżentanti għall-Assemblea ta’ Stormont li hi l-leġislatura ta’ din il-provinċja bil-poter li tgħaddi l-liġijiet għal numru kbir ta’ setturi.
L-elezzjonijiet li għaddejjin bħalissa jridu anki jiddeċiedu r-rappreżentanti għat-32 kunsill lokali tal-Iskozja u fit-22 awtorità lokali ta’ Wales.
Intant, dawn l-elezzjonijiet għandhom jagħlqu ftit qabel nofs-il lejl, bir-riżultati mistennija jingħataw fil-jumejn li ġejjin.
//= $special ?>

