Lokali Unjoni Ewropea

Abela jgħid mod u Farrugia jgħid mod ieħor

Is-sitwazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna ma jidhirx li se tmur għall-aħjar fiż-żmien li ġej u għalhekk l-Unjoni Ewropea ser tkun qed timponi sett ieħor ta’ sanzjonijiet li fihom din id-darba se jkunu jinkludu l-projbizzjoni tat-trasportazzjoni taż-żejt.

U hekk kif dawn id-diskussjonijiet jinsabu għaddejin, fil-jiem li ġejjin, pajjiżna jrid jieħu pożizzjoni dwar x’se jagħmel, u jekk hux se jaddotta s-sanzjonijiet b’mod sħiħ. Dwar dan staqsejna lill-Prim Ministru Robert Abela. U filwaqt li Robert Abela kien ċar u spjega kif il-pożizzjoni tal-Gvern Malti se tkun li jaddotta s-sanzjonijiet, fl-aħħar sigħat, il-Ministru Aaron Farrugia ta’ spjega differenti ħafna.

Dan meta, f’intervista mat-Times of Malta, ta x’jifhem li pajjiżna se jipprova jiħaq qbil mal-Unjoni Ewropea biex ma jdaħħalx is-sanzjonijiet kollha kif qed tipproponi l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Il-Ministru kien qed jikkummenta wara rapporti li qalu li Malta wriet ir-riżervi tagħha dwar il-pakkett tas-sanzjonijiet waqt laqgħa bejn l-istati membri tal-UE.

Dan meta, Malta għandha reġistru marittimu kbir u l-operaturi tagħha jkunu affettwati jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ċerti portijiet. Il-projbizzjoni fuq it-trasport taż-żejt Russu jista’ jkollha impatt kbir fuq din l-industrija.

Filwaqt li Aaron Farrugia, l-Erbgħa, qal li d-diskussjonijiet tekniċi dwar il-kwistjoni għadhom għaddejjin, inqas minn 24 siegħa wara, Robert Abela qal li pajjiżna ser jaddotta s-sanzjonijiet kif proposti mill-Unjoni Ewropea.

Għadu mhux ċar għalfejn il-pożizzjoni tal-Ministru u tal-Prim Ministru huma kemxejn differenti minn xulxin.