Lokali

Il-Gvern irid joħloq inċentivi ġodda u b’saħħitom biex jattira aktar ħaddiema fis-settur tas-saħħa

Il-Partit Nazzjonalista jawgura u jirringrazzja lill-infermiera kollha li ta’ kuljum jagħtu saħħithom u l-enerġija kollha tagħhom lejn il-pazjent hekk kif f’dawn il-ġranet se nkunu qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Infermieri. Mingħajr ix-xogħol tagħkom, fit-timijiet differenti li taħdmu fihom, is-sistema tas-saħħa ma tistax taħdem u tiffunzjona. Il-Partit Nazzjonalista ser ikun dejjem hemm għalikom u għall-professjonisti kollha. Nilqgħu b’mod pożittiv il-kampanja tal-MUMN li tippromwovi l-ingaġġ ta’ studenti ġodda bħala infermiera, bl-islogan ‘Nursing is the heartbeat of healthcare’.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri, il-Kelliem għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo u l-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo intqal li l-Partit Nazzjonalista jinnotta kif in-nuqqas ta’ professjonisti, speċjalment ta’ infermiera fis-sistema kollha tas-saħħa qed twassal għal żieda fl-istress u x-xogħol tal-infermiera, carers u professjonisti li preżentament jaħdmu f’dan is-settur. Sfortunatament dan, u każijiejt riċenti bhal dak tal-infermier Joe Pace qed iwasslu biex studenti ma jagħżlux din il-professjoni jew aktar minn hekk, ħaddiema li jkunu f’dan il-mestier għal qalbhom, jirriżenjaw għal xogħol aħjar, f’setturi differenti. Dan qed iwassal biex il-kwalitá ta’ kura li tingħata l-pazjent qiegħda tonqos u b’hekk ibati l-pazjent. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandu jkun hemm aktar investiment fil-Kura Primarja u fil-Kura tas-Saħħa mentali, kemm dik ta’ riżorsa umana u kif ukoll ta’ sptar ġdid minbarra ir-rinovazzjoni ta’ dak preżenti. Huwa important ukoll li tiżdied il-kura ta’ kwalitá fil-komunitá u din mhux biss bil-kliem iżda bir-riżorsi kollha meħtieġa.Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern irid joħloq inċentivi ġodda u b’saħħitom biex jattira aktar ħaddiema fis-settur pubbliku, speċjalment fis-saħħa. Illum qed naraw kif l-infermiera preżenti qed ikollhom ilaħħqu ma xogħol li s-soltu jkun qed jinħadem minn ammont ikbar ta’ nies u dan qed jaffetwa il-kwalitá tax-xogħol u tip ta’ kura offruta. Ħinijiet u stress żejjed fuq il-post tax-xogħol jwasslu biex jaffetwa il-kwalitá tax-xogħol u s-servizz mogħti. 

Dan il-piż m’għandu qatt jinġarr mill-ħaddiem fis-settur, iżda minn dawk li huma responsabbli li jiżguraw li jkun hemm biżżejjed ħaddiema disponibbli. Jidher ċar li l-gvern m’għandux pjan ta’ kif ser jkun qed jintervjeni u jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ staff, inċentivi u kundizzjonijiet tax-xogħol.