Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-battalja ta’ Mariupol waslet f’fażi kritika fost it-tentattivi għall-evakwazzjonijiet taċ-ċivili

A woman is overwhelmed by emotion in the backyard of a house damaged by a Russian airstrike, according to locals, in Gorenka, outside the capital Kyiv, Ukraine, Wednesday, March 2, 2022. Russia renewed its assault on Ukraine's second-largest city in a pounding that lit up the skyline with balls of fire over populated areas, even as both sides said they were ready to resume talks aimed at stopping the new devastating war in Europe.(AP Photo/Vadim Ghirda)

L-awtoritajiet Ukreni qed jittamaw li jirnexxu l-aħħar tentattivi għall-evakwazzjoni ta’ ċivili li ilhom il-jiem maqbudin fil-kumpless industrijali ta’ Mariupol. Dan meta għadha għaddejja l-battalja deċiżiva bejn il-gruppi ta’ suldati Ukreni f’din il-faċilità u t-taqsimiet tal-Armata Russa li qed jokkupaw partijiet tas-sit u l-madwar.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet fadal ‘il fuq minn 200 ċivili – fosthom xi għexieren ta’ tfal – fil-bunkers ta’ taħt il-faċilità li tipproduċi l-azzar. Intant,, l-awtoritajiet Ukreni huma ferm ansjużi li dawn iċ-ċivili jitwasslu lejn artijiet ‘il bogħod miz-zoni tal-gwerra.

Kelliema qrib il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qalu li – laħqu nħarġu  kważi 500 ċivili minn Mariupol mindu bdiet azzjoni tas-salvataġġ fiz-zona u li qed titmexxa min-Nazzjonijiet Uniti.

Madankollu, il-battalja għall-kontroll tal-kumpless industrijali – l-aħħar fortizza tar-reżistenza f’Mariupol – qed tidher li waslet f’fażi kritika, bid-difensuri fil-faċilità jagħmluha ċara li lesti li jiġġieldu sal-aħħar minkejja n-numri ferm superjuri tal-qawwiet Russi fl-inħawi.

Min-naħa tiegħu, il-President tar-Russja Vladimir Putin, qal li l-Ukrajna għandha toħroġ direttivi speċifiċi biex il-ġellieda tagħha fil-faċilità ta’ Mariupol ‘jaqbdu u jċedu l-armi minnufih’.

Madankollu, ftit hemm ċans li dan iseħħ meta Putin jinsab ansjuż li jikkonferma l-ewwel rebħa militari fuq ċerta skala mindu l-qawwiet tiegħu invadew l-Ukrajna.

Putin qed jittama li l-belt ta’ Mariupol taqa’ kollha kemm hi lit-truppi ta’ Moska qabel iċ-ċelebrazzjoni, nhar it-Tnejn, ta’ Jum ir-Rebħa fir-Russja – liema avveniment ifakkar it-trijonf tal-eks Unjoni Sovjetika komunista fuq il-Ġermanja Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan meta kwalunkwe suċċess militari ‘assolut’ tar-Russi f’Mariupol għandu jitqies bħala żvilupp simboliku għal Moska li, bħalissa, qed tħejji għall-akbar parata annwali tas-sena.