Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Rapporti dwar tagħrif sigriet li għen ‘għall-għarqa tal-Moskva’

Feġġew rapporti li l-Istati Uniti provdiet l-informazzjoni sigrieta li għenet biex il-qawwiet tal-Ukrajna, jiem ilu, jgħarrqu lill-bastiment Moskva – tat-tip missile cruiser u li kien il-‘flagship’ tal-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed.

Xi uffiċjali – li baqgħu anonimi – qalu li l-Ukrajna kienet talbet informazzjoni lill-Istati Uniti dwar ‘bastiment partikulari’ li kien qed jivvjaġġa lejn in-nofsinar ta’ Odessa.

Intant, l-Istati Uniti qed tgħid li l-movimenti tal-bastiment Russu kienu kixfu l-lokalità tiegħu – bl-Ukreni, imbagħad, jisparaw il-missili biex jgħarrqu lill-Moskva, fost l-għadab kbir tar-Russja.

Għalkemm il-Pentagon ma kkummentax, is-sorsi qrib tiegħu indikaw li ‘l-Amerikani provdew ċertu tagħrif lill-Ukreni biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-attakki tar-Russja’. L-uffiċjali anonimi – ikkwotati mill-media – qalu li ma kenux jafu li l-Ukreni kienu se jimmiraw il-missili tagħhom lejn il-‘Moskva’ wara li rnexxielhom jiddeterminaw il-lokalità tal-bastiment.

Il-missile cruiser inkwistjoni kien qed imexxi l-assalt navali tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-għarqa tiegħu kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal Vladimir Putin u l-Kremlin.

Fl-istess ħin, il-Pentagon qed jiċħad għal rapporti li l-Istati Uniti għenet lill-Ukreni biex ‘jindikaw u joqtlu’ numru ta’ uffiċjali militari ewlenin – inklużi Ġenerali – tar-Russi fl-artijiet Ukreni.

Il-kelliem ewlieni għall-Pentagon, John Kirby, waqt li kien qed jirreaġġixxi għal rapport speċifiku ta’ The New York Times, sostna li filwaqt li l-Istati Uniti qed tappoġġja lill-Ukrajna bis-servizzi sigrieti fuq livell militari, ‘l-Amerikani ma jipprovdux informazzjoni partikulari dwar il-lokalitajiet tal-kapijiet militari tar-Russja fil-kampijiet tal-battalja (fl-Ukrajna).’