Il-bastiment tal-gwerra Russu, ‘Admiral Makarov’ – il-flagship ġdid tal-qawwiet tal-baħar tal-Kremlin – hu rappurtat li ntlaqat minn missili tal-Ukrajni, tat-tip Neptune, u fost rapporti li ġarrab il-ħsarat kbar. Dan ukoll meta qed jiċċirkolaw ir-ritratti tan-nirien telgħin minn dan il-vapur.
Dan il-bastiment kien qed jivvjaġġa fil-Baħar l-Iswed fil-ħin meta ntlaqat u l-missili li laqtuh huma l-istess bħall-missili li, ġimgħat ilu, kienu għarrqu lill-bastiment ‘Moskva’ – li kien l-aktar vapur simboliku tan-Navy ta’ Vladimir Putin.
Intant, ir-rapporti qalu li numru ta’ bastimenti tas-salvataġġ, fl-aħħar ħinijiet, avviċinaw lill-‘Admiral Makarov’ wara li telqu lejn iz-zona mill-Krimea.
Kelliema f’Moska, il-kapitali tar-Russja, qalu li ‘ma kellhomx informazzjoni’ li l-bastiment inkwistjoni kien intlaqat mill-missili tal-Ukrajni. Kien hemm ukoll stennija għall-konferma mingħand is-sorsi indipendenti.
It-telfa tal-‘Admiral Makarov’, f’każ ta’ konferma, għandha tkun umiljazzjoni sinifikanti oħra għar-Russja.
Dan meta l-bastiment hu fost l-aktar vapuri moderni tal-flotta Russa fil-Baħar l-Iswed u li hu mgħammar b’sistema għall-isparar tal-missili cruise tat-tip ‘Kalbr’ għal kontra l-vapuri, is-sottomarini u miri maġenb il-kosta (għal fuq distanza ta’ 2,600 kilometru).
L-għarqa tal-‘Moskva’ kienet seħħet fl-14 ta’ April u din kienet l-akbar umiljazzjoni għar-Russja mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna fl-aħħar ġranet ta’ Frar.
//= $special ?>

