Lokali Qorti

Ingliż jinżamm arrestat fuq allegat traffikar ta’ tmien grammi cannabis

Raġel Ingliż inżamm arrestat, wara li allegatament il=Ħamis, filgħaxija nqabad fil-fatt ta’ jittrafika l-cannabis f’Paceville. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif Matthew Robert Gibson, raġel ta’ 37 sena residenti l-Gżira, kien arrestat għall-ħabta tad-9pm fi Triq il-Knisja, San Ġiljan wara li uffiċjal tal-pulizija lemħu jbigħ tmien grammi cannabis għal €20.

L-Ispettur Brian Xuereb akkuża lil Gibson, li ilu jgħix Malta għal diversi snin, b’pussess ta’ cannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx biss għall-konsum personali tiegħu u t-traffikar tad-droga. Gibson wieġeb mhux ħati. L-Avukat Charmaine Cherrett, maħtura bħala avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat, talbet il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li argumentat li l-akkużat kellu rabtiet qawwija mal-gżira. Il-Qorti iżda ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.