L-invazjoni tal-Ukrajna hija brutali. Hija gwerra Medjevali. Il-mossa tar-Russja fl-24 ta’ Frar poġġietna f’realtà ġdida…u allura, dan huwa l-mument tagħna li nwieġbu.
Hekk qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta l-Ġimgħa indirizzat konferenza fil-belt Taljana ta’ Firenze – bil-qofol tad-diskors tagħha jdur mal-futur tal-Ewropa, u s-saħħa tal-għaqda Ewropea.
U kien f’dan is-sens illi wasslet messaġġ b’saħħtu ta’ għaqda… u impenn favur in-nies li qed ibatu fl-eqqel ta’ din il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
Hi insistiet illi l-popli tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Balkani… bħalissa qed iħarsu lejna. Irridu solidarjetà. Għaliex din hija l-Ewropa. U l-popli Ewropej illum iridu mexxejja li jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet.

Metsola saħqet li flimkien, bħala pajjiżi, kapaċi negħlbu l-messaġġi li qed jinxterdu mill-propaganda Russa.
Vladimir Putin żbalja meta ħaseb li d-differenzi tagħna se jifirduna, qalet Roberta Metsola. U huwa għalhekk li rridu unjoni ta’ sigurtà aktar b’saħħitha.
Metsola qalet li se tkompli timbotta ‘l quddiem is-sanzjonijiet kontra r-Russja, inkluż l-embargo fuq iż-żejt.
Fl-aħħar mill-aħħar, qalet Metsola, se tkun l-Ukrajna illi tirbaħ.
Intant, fi tmiem id-diskors tagħha, Roberta Metsola qalet li wara l-pandemija u wara din il-gwerra… l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Iżda l-UE tinsab b’saħħitha – lesta biex tfassal il-futur għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.
