Madwar 40 student u membri tal-istaff tal-MCAST, il-Ġimgħa filgħodu ngħaqdu flimkien u pparteċipaw fl-inizjattiva ‘Cycle Your Way to MCAST’.
Din l-attività kienet organizzata mill-Kulleġġ tal-MCAST flimkien ma’ MOVE, Transport Malta u l-Kunsill tas-Sigurtà fit-Toroq sabiex ikun hemm iktar għarfien dwar is-saħħa fiżika l-ambjent.
Din l-attività hija parti mill-inizjattivi li jittellgħu mill-Kulleġġ biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li jsir investiment fl-infrastruttura sabiex jiġu appoġġati mezzi alternattivi ta’ trasport.
Iċ-ċiklisti ltaqgħu f’postijiet differenti madwar Malta u bdew triqthom flimkien lejn il-Kulleġġ. Studenti u lectures mill-Istitut għall-Inġinerija u t-Trasport ikkontribwew billi bnew xkafef tar-roti għall-kampus ewlieni f’Raħal Ġdid.
Id-Deputat Prinċipal tal-MCAST Ronald Curmi, spjega kif dan l-avveniment huwa parti mill-isforzi tal-Kulleġġ biex jiżviluppa u jikkultiva ħiliet, attitudnijiet u valuri li jagħtu s-setgħa lill-komunità tal-MCAST biex isiru ċittadini fiżikament attivi. Huwa tkellem dwar l-importanti li jkun hemm sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin. Dan l-avveniment huwa parti mill-inizjattiva globali ‘MOVE Week’ hekk kif qed tiġi ċċelebrata l-ġimgħa rikonoxxuta internazzjonalment bl-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja tajba billi jkun hemm inkoraġġiment għall-attività fiżika u l-isports fil-ħajja ta’ kuljum.
//= $special ?>