Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna feriti gravi fuq persuna fi ġlieda fejn il-knisja ta’ San Bastjan għax kien hu l-vittma

Raġel ta’ 40 sena ġie lliberat minħabba nuqqas ta’ provi li fi Frar ta’ sentejn ilu kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra fi Pjazza Narbona, Ħal-Qormi, fejn il-knisja ta’ San Bastjan, wara ġlieda li nqalgħet bejn diversi persuni barra ħanut tax-xorb. Mill-provi rriżulta li l-allegat vittma mar għall-imputat b’sikkina u kien xurban.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet fis-sentenza tagħha li l-proċeduri kontra Christopher Azzopardi qatt ma kellhom jinbdew għaliex mid-diversi verżjonijiet migbura tul l-investigazzjoni tal-pulizija ħareġ ċar il-komportament ostili tal-allegat vittma Shaunvic Felice, li kien xurban u li kien hu li aggredixxa lill-imputat u għalhekk huwa ddeċieda li ma jixhidx f’dawn il-proċeduri.

Barra minn hekk qalet il-Qorti, minkeja li l-Ispettur Wayne Borg xehed illi kien eleva filmat tal-inċident, għal xi raġuni dan il-filmat l-anqas biss ġie esebit u l-anqas gew imħarrka x-xhieda l-oħra kollha li kienu preżenti waqt l-argument. Il-Qorti nnutat ukoll li fl-artikoli tal-Avukat Ġenerali, dak tal-ġrieħi gravi, ma ġiex inserit u dan probabbilment illi l-parte civile ma tax ix-xhieda tiegħu u l-anqas gie kkonfermat iċ-ċertifikat mediku mit-tabib li kien iċċertifika l-ġrieħi allegatament li sofra l-allegat vittma.   

L-Ispettur Wayne Borg qal fix-xhieda tiegħu li fit-28 ta’ Frar 2020 fi Pjazza Narbona, Ħal-Qormi għall-habta tal-11.15pm fera gravament lil Shaunvic Felice Dan fuq allegat argument li nqala’ bejn numru ta’ persuni ħdejn il-ħanut Pinto li jinsab ħdejn il-knisja ta’ San Bastjan.

Qal li meta marru fuq il-post il-pulizija sabu numru ta’ persuni fejn fosthom kien hemm Cristina Azzopardi li tiġi l-mara ta’ Azzopardi fejn qaltilhom li fil-ħanut La Storia kien hemm Shaunvic Felice li kien qed jixrob mal-bar u li kien xorob mhux ħażin u li kienet infurmatu li ma kinitx se tagħtih xorb aktar. Qaltilhom illi dak il-ħin Shaunvic daħal wara l-bar, neza’ l-qmis u beda jagħmel mossi strambi fejn imbagħad ġie r-raġel tagħha, u ħarġu barra.

Ix-xhud tenna illi fuq il-post kellem lill-imputat fejn dan qallu li kien ra lil Shaunvic iwaqqa’ xi tazzi fil-bar u jpejjep fil-ħanut u meta qallu biex joħroġ dan ma riedx u għalhekk kellu joħorġu. Qallu illi wara li ra l-Shaunvic jitlaq reġa’ rah wara ftit ġej b’sikkina u beda jgħajjatlu bil-laqam tiegħu u dan beda jiġri warajh b’din is-sikkina.

Sostna li din is-sikkina ġiet elevata mill-ħanut li jismu Martinas li jinsab biswit La Storia. L-Ispettur Borg qa.l ukoll illi x-xhud Charmaine Portelli kkonfermat il-verżjoni tal-imputat u l-mara tiegħu. Ix-xhud qal ukoll illi l-imputat beda jgħajjat li kellu revolver u li kien se jispara lil Shaunvic iżda meta ġie mitkellem l-imputat qal illi beda jgħid dawn il-kliem biex forsi Shaunvic jibża’ u jitlaq minħabba l-fatt li kellu s-sikkina.

Qal li dan ir-revolver fil-fatt qatt ma nstab meta saret tfittxija fil-vettura tal-imputat. L-imputat qallu wkoll illi meta ra lil Shaunvic ġej għalih bis-sikkina kien qala’ seratizz minn fuq mejda sabiex jiddefendi lilu nnifsu. L-Ispettur qal ukoll illi ġie elevat filmat tal-inċident fejn kien jidher il-vittma sejjer għall-imputat b’sikkina twila. L-Ispettur Wayne Borg esebixxa fil-Qorti r-rapport tal-inċident.

Azzopardi lanqas ma nstab ħati li nġurja b’tali mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni u li kiser l-bon ordni u l-paċi pubblika, b’għajjat u glied. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rodrick Agius.