L-elezzjonijiet lokali fl-Ingilterra laħqu rreġistraw riżultati pjuttost diżappuntanti għall-Partit Konservattiv fil-Gvern, iżda l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni – minkejja xi suċċessi f’Londra – xorta mhux jidher f’pożizzjoni biex jisfrutta din is-sitwazzjoni.
Fil-verità kien hemm diġà pronostiku li l-Konservattivi – jew Tories – tal-Prim Ministru Boris Johnson ( ritratt) kellhom inaqqsu l-appoġġ f’dawn l-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġislatura u li saru nhar il-Ħamis madwar ir-Renju Unit.
Is-sinjali, intant, huma li l-Liberali Demokratiċi u l-Ħodor it-tnejn għamlu l-avvanzi — għalkemm f’din is-sitwazzjoni huma sempliċiment żiedu fuq l-appoġġ pjuttost minimu li kellhom qabel l-elezzjonijiet.
Ir-riżultati tal-elezzjonjiiet lokali għadhom deħlin fost indikazzjonijiet li l-Konservattivi ta’ Johnson tilfu ‘wieħed minn kull erba’ siġġijiet li kienu qed jippruvaw jiddefendu’ – u bit-telfa totali għat-Tories tidher li tammonta għal 126 siġġu.
Is-sinjali huma li l-Konservattivi tilfu l-kontroll tal-kunsilli f’Southampton, West Oxfordshire, Worcester, Westminster, Wandsworth u Barnet. It-telfiet f’Wandsworth u Westminster huma partikularment simboliċi peress li t-Tories, qabel, kienu rnexxielhom jikkontrollaw dawn il-boroughs għal xejn anqas minn 40 sena.
Fl-ewwel kummenti waqt li kienu deħlin ir-riżultati, Boris Johnson ammetta li l-partit tiegħu ħabbat wiċċu mad-‘diffikultajiet’ f’xi bnadi tal-Ingilterra. Iżda fl-istess ħin hu qal li wieħed irid iħares lejn ‘l-istampa sħiħa’ biex jara wkoll il-pożittiv waqt li sostna li t-Tories anki kellhom kisbiet ‘notevoli’ f’numru ta’ distretti.
L-ewwel riżultati mill-Iskozja, iżda, ukoll żvelaw telf għall-Konservattivi – u meta l-għadd tal-voti kien għaddej ukoll f’ Wales u l-Irlanda ta’ Fuq, fejn saret l-elezzjoni għall-Assemblea ta’ Stormont.
Waqt li deħlin l-aħħar riżultati fl-Ingilterra hemm il-konferma li l-Laburisti fl-Oppożizzjoni rnexxielhom jieħdu l-kontroll ta’ tlett kunsilli importanti ta’ Londra li sa ftit ilu kienu fortizzi tat-Tories. Hu minnu wkoll li r-rebħa f’Barnet hi waħda storika għal-Laburisti li qatt qabel ma kienu kontrollaw dan il-kunsill.
Il-Kap Laburista Britanniku, Keir Starmer, intant, qal li ‘ir-riżultati wrew li l-partit tiegħu kien qed jirkupra’ wara l-aħħar disfatti kbar fuq livell nazzjonali. Madankollu hemm ukoll is-sinjali li l-Laburisti mhumiex sejrin daqstant tajjeb fl-għadd tal-voti li għaddej ‘il barra minn Londra u fi bnadi oħra tar-Renju Unit.
//= $special ?>

