Sport Waterpolo

Exiles finalment jirbħu b’rimonta fl-aħħar sessjoni … Ta’ Xbiex it-tielet fl-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 8

EXILES……………………………… 9

(1-1), (1-1), (4-2), (2-5)

Dak li deher diffiċli f’mument minnhom, sar possibbli. Exiles irnexxielhom itemmu l-Kampjonat tax-Xitwa tagħhom fuq nota pożittiva meta kisbu l-ewwel rebħa tagħhom. Konfront missielet li wera l-bilanċ bejn it-tnejn, bit-tim ta’ Birżebbuġa kien rebaħ fl-ewwel rawnd 9-7.

Fl-ewwel parti tal-logħba ma kien hemm l-ebda tim li wera superjorità u ma kinitx sorpriża li kien jeżisti bilanċ fil-gowls skorjati. Birżebbuġa marru fil-vantaġġ f’żewġ okkażjonijiet permezz ta’ Ben Grech, iżda Exiles wieġbu darbtejn.

Fit-tielet sessjoni, il-logħba żiedet fl-intensità tagħha. Wara li Matteo Martellacci kien wieġeb għat-tielet gowl ta’ Grech, Birżebbuġa fetħu distakk ta’6-3. Fosthom spikka episodju li Exiles setgħu naqqsu d-distakk għal gowl iżda l-gowl tħassar u mill-azzjoni sussegwenti skorjaw Birżebbuġa.

Jake Bajada ta ċans lil Exiles fl-aħħar sessjoni meta naqqas id-distakk għal żewġ gowls. L-okkażjoni ttieħdet hekk kif fl-ewwel nofs tal-aħħar sessjoni, Exiles irnexxielhom idawru r-riżultat għal 8-6 favurihom, b’Max Aquilina jispikka bi tripletta.

Russell Spiteri naqqas id-distakk iżda Kurt Griscti żamm il-vantaġġ doppju. Keith Tanti ħalla lil Birżebbuġa jittamaw u kellhom ukoll iċ-ċans li jevitaw it-telfa iżda David Cutajar ra l-penalty tiegħu jaħbat mal-mimduda fl-aħħar ftit sekondi.

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar (1), B. Grech (4), C. Mifsud, R. Mock, G. Mannino, D. Cutajar, M. Giratana, K. Tanti (2), R. Spiteri (1), M. Curmi, M. Sladden, D. Incorvaja, G. Sammut

Exiles: G. Borg, N. Saliba, S. Apap, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (1), K. Griscti (1), N. Paris, J. Bajada (1), M. Aquilina (4), D. Fenech, M. Martellacci (1)

Referees: Ronnie Spiteri, Massimo Angileri

OTTERS NIVEA………….. 6

TA’ XBIEX AMIGOS……. 10

(1-5), (2-1), (1-3), (2-1)

Ta’ Xbiex ikkonfermaw it-tielet post fl-Ewwel Diviżjoni. Ir-rebħa waslet wara li fl-ewwel konfront bejniethom, kienu spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Otters kellhom logħba għat-telgħa wara bidu negattiv, perjodu li għalkemm wettqu reazzjoni, baqgħu ma rkuprawx minnu.

It-tim ta’ Dejan Simeonov fetaħ vantaġġ komdu ta’ 5-1 fl-ewwel sessjoni. Elijah Schembri u Julian Chircop skorjaw minn żewġ man-ups. Zion Bartolo naqqas id-distakk iżda Edward Aquilina għamilhom 3-1, bl-iskor jikber b’żewġ penalties skorjati.

Otters ittantaw jidħlu fil-logħba hekk kif sal-bidu tat-tielet sessjoni, naqqsu d-distakk għal 6-4 minn penalty ta’ Luke Grech Carr. Madankollu, Elijah Schembri kabbar id-distakk immedjatament minn man-up u wara minn penalty, b’Edward Aquilina jagħmilhom 9-4.

Bit-tliet punti deċiżi fejn se jmorru, Ta’ Xbiex ikkontrollaw il-logħba, b’Otters jirnexxilhom tal-anqas jagħmlu l-iskor rispettabbli b’żewġ gowls.

Otters: M. Xerri, M. Bonnici (1), K. Scicluna, L. Grech Carr (2), K. Micallef, D. Dimech (1), S. Dimech, L. Dimech, M. Farrugia (1), Z. Bartolo (1), G. Gatt Ellis

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (3), J. Pace Mizzi, E. Meli, S. Engerer, Z. Cutajar Licari (1), J. Cassar, E. Schembri (5), B. Attard Littschwager, P. Tabone, J. Chircop, Z. Dzanovic

Referees: Alex de Raffaele, Peter Balzan

Logħob li jmiss

Għada

L-Ewwel Diviżjoni

Marsaskala v Valletta 4.00pm

Kampjonat Premier

Sirens v Neptunes         5.05pm

Sliema v San Ġiljan       6.10pm

Kampjonat Premier

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Sliema                   9        9        0        0        119    39      27

San Ġiljan             9        8        0        1        121    55      24

Sirens                   9        4        1        4        68      88      13

Neptunes              9        3        1        5        77      81      10

Birżebbuġa          10      1        2        7        62      119    5

Exiles                    10      1        0        9        64      129    3

L-Ewwel Diviżjoni

                             L       R       D       T       F       K       Pti

Valletta                7        7        0        0        86      34      21

Marsaskala         7        6        0        1        107    38      18

Ta’ Xbiex             8        3        1        4        80      85      10

Otters                  8        1        1        6        48      101    4

Barracudas         8        1        0        7        57      120    3