Studju ta’ Caritas Malta wera kif xirja ta’ prodotti bażiċi tal-ikel għal familja ta’ erba’ persuni żdiedet b’€100 fix-xahar meta mqabbel ma’ sentejn ilu. Dan l-istudju sar fi Frar u għalhekk is-sitwazzjoni issa, bil-Gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, probabilment li kompliet tigrava din is-sitwazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan kollu, staqsejna lill-Prim Ministru Robert Abela, x’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex jgħin b’mod dirett ħalli jittaffa dan il-piż fuq il-familji Maltin. Abela qal “l-inflazzjoni, realtà li qed naraw madwar id-dinja kollha. Bħala Gvern dejjem konna attenti ħafna li ma nkunux aħna bħala Gvern il-kontributur għal żieda fil-prezzijiet.”
Din il-pjaga tal-għoli tal-ħajja ilha magħna, u filwaqt li Robert Abela spjega x’miżuri ttieħdu jew ingħataw fl-aħħar snin, staqsejna x’miżuri ser jittieħdu issa, u fil-futur meta l-prezzijiet jidher biċ-ċar li ser jibqgħu jgħolew. Il-Prim Ministru qal li l-għoli tal-ħajja huwa fenomenu li ma jistax jgħid li ma jeżistix. “Ikkontrollajna l-impatt tiegħu kemm stajna. Se nibqgħu naraw li nkunu ffukati fil-miżuri tagħna illi kemm jista’ jkun nibqgħu nipproteġu, kemm jista’ jkun lin-nies tagħna.” Madanakollu, dettalji dwar kif dan se jsir, ma ngħatajnix.
Dan meta mill-istudju tal-Caritas, jidher car illi basket tal-ikel għal familja ta’ erbgħa ġie jiswa ftit anqas minn €700 meta l-istess basket – sentejn ilu – kien jiswa madwar €600. Din l-ispiża fix-xahar mhix tinkludi spejjes oħrajn bħall-petrol u d-diesel, spejjes ta’ mobile u internet, u lanqas il-kontijiet tad-dawl. Dan kollu, filwaqt li l-pagi żgur li mhux jgħolew bl-istess rata li qed tagħla l-ħajja.
//= $special ?>