Futbol Sport

Santa Lucia relegati wara telfa kontra Valletta

(Ritratt: Valletta FC)

Rowen Camilleri

VALLETTA………2

STA. LUCIA………1

Valletta: A. Guarnone, T. Caruana (S. Mc Kay 90’), M. Sansone, C. Gauci, A. Zammit (S. Dimech 69’), D. Promise (H. Dilaver 77’), I. Curjuric (K. Tulimieri 69’), R. Muscat, E. Sala, C. Prado, M. Fontanella (L. Campos 77’)

Sta. Lucia.: J. Haber, A. Prates, J. Pisani, N. Pulis (J. Tanti 90’), G. Conti, V. Plut, A. Valpoort, V. Filho, J. Zerafa (A. Souza 61’), D. Xuereb (J. Tabone 86’), Y. Soares

Imwissija: D. Promise 21’, I. Curjuric 29’, C. Gauci 30’, R. Muscat 59’ (V), J. Zerafa 45’, V. Plut 53’, J. Pisani 59’, G. Conti 87’ (Sl)

Skorjaw: T. Caruana 52’, L. Campos 90+4 (V), J. Pisani 71’ (Sl)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Christopher Francalanza

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Alessandro Guarnone (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Alessandro Guarnone (Valletta)

F’partita divertenti u movimentata għall-aħħar Valletta għelbu lil Santa Lucia 2-1, biex b’hekk il-Yellows ġew relegati għall-Kampjonat taċ-Challenge League wara li fil-partita l-oħra Balzan għelbu lil Sliema Wanderers 1-0. Santa Lucia setgħu rebħu din il-partita fit-tieni taqsima hekk kif bla dubju kienu l-aqwa tim iżda sabu lil goalkeeper ta’ Valletta Alessandro Guarnone fl-aqwa forma li ċaħħadhom diversi drabi milli jagħmlu dan.

L-ewwel xutt perikoluż wasal fis-16-il minuta minn Sta. Lucia meta minn tliet kwarti ta’ grawnd Soares prova xutt b’saħħtu li għoddu ħasad lil Guarnone li b’diffikultà kellu jdawwar f’korner. Valletta rrispondew fid-29 minuta meta Mario Fontanella rċieva ballun fit-tul mingħand Triston Caruana iżda l-konklużżjoni tat-Taljan għaddiet għoli minn fuq il-lasti ta’ Justin Haber. Fit-32 minuta Soares reġa ttanta xortih din id-darba minn free kick dirett li għadda ftit barra. L-ewwel taqsima ntemmet kif bdiet bl-ebda tim ma’ jirnexxielu jsib ix-xibka.

Wara ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Justin Haber kellu jwettaq save tajjeb meta minn tarf il-kaxxa Andrea Zammit ta’ Valletta prova xutt perikoluż li ra l-eks Internazzjonali Malti jilqa’ tajjeb qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Żewġ minuti wara Valletta fetħu l-iskor minn konklużżjoni sabiħa ta’ TRISTON CARUANA li għelbet għal kollox lil Haber. Fil-61 minuta Sta. Lucia ingħataw free kick minn ġol kaxxa meta Guarnone rċieva pass u qabgħad b’idu iżda l-Yellows ma’ approfittawx minn dan iċ-ċans u l-konklużżjoni ta’ Soares spiċċat għoli. Sta. Lucia urew titjieb fil-logħob tagħhom u fis-66 minuta Jurgen Pisani prova xutt minn barra l-kaxxa li Guarnone kellu jdawwar f’korner. Fit-68 minuta Sta. Lucia reġgħu marru viċin meta kien Victor Filho li b’xutt sabiħ impenja lil Guarnone li minn naħa tiegħu ukoll wettaq save spettakolari biex dawwar f’korner. It-tim immexxi minn Giovanni Tedesco meritatament ġab il-goal tad-draw fil-71 minuta meta kien Nicholas Pulis li provda kross preċiż fuq ras JURGEN PISANI li mill-viċin b’daqqa ta’ ras għeleb lil Guarnone. Fid-79 minuta Vito Plut falla ċans tad-deheb meta wara li rċieva mingħand Victor Filho minn quddiem Guarnone tefa barra. Fil-ħin miżjud Gianmarco Conti rċieva kross minn korner ta’ Da Silva Souza u minn taħt il-lasta tefa’ inkredibilment barra. Valletta qatlu kull tama’ li kien fadlilhom Santa Lucia hekk kif fl-aħħar xutt tal-partita fil-ħin miżjud, is-sostitut LUCAS CAMPOS mill-viċin għeleb lil Haber biex dan kien ifisser li wara tliet staġuni fil-Kampjonat Premier, Santa Lucia sfaw relegati għaċ-Challenge League.