Internazzjonali

Zelensky jiddeskrivi s-sitwazzjoni f’Mariupol bħala ‘infern’

Bħalissa, f’Mariupol għaddejja t-tielet operazzjoni sabiex jiġu evakwati aktar persuni.

Fil-preżent….huwa stmat li għad hemm mijiet ta’ nies ċivili maqbuda fl-impjant tal-azzar ta’ Mariupol, għalkemm il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li aktar minn 150 persuna minn dan l-impjant … u aktar minn 300 persuna mis-subborgi tal-belt … kienu ġew evakwati din il-ġimgħa.

Huwa stmat ukoll li madwar 2,000 ġellied Ukren jinsabu f’mini taħt dan l-impjant tal-azzar; persuni li huma l-aħħar grupp ta’ reżistenza f’belt kważi meqruda għal kollox, wara xahrejn ta’ bumbardamenti qawwija.

Zelenskyy iddeskriva s-sitwazzjoni f’Mariupol bħala “infern”, filwaqt li l-ġellieda Ukreni qed jippreparaw għal dik li tista’ tkun l-aħħar offensiva tagħhom kontra r-Russi.

Qabel il-gwerra, il-belt ta’ Mariupol kellha popolazzjoni taʼ madwar 400,000, iżda issa din niżlet għal madwar 100,000, b’dawk li baqgħu hemm, qegħdin ta’ kuljum jaffaċċjaw nuqqas kbir ta’ ikel, ilma, indafa u provvista tal-elettriku.