Sport Waterpolo

Il-kowċ ta’ San Ġiljan Kovacic iħalli l-marka fid-debutt u jisforza decider għar-rebħ tal-kampjonat

Jake Bonavia ta' San Ġiljan quddiem il-gowlkiper Nicky Grixti (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT……………………… 6

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…. 11

(1-3), (1-4), (2-1), (2-3)

Sliema Frank Salt kellhom bżonn punt biex jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat iżda ġew maħsuda minn San Ġiljan Mercury Towers. Taħt it-tmexxija għall-ewwel darba tal-kowċ Zeljko Kovacic, il-Ġiljaniżi dehru għatxana għar-rebħ u ma tawx ċans lil Sliema jilagħbu l-logħba li xtaqu.

It-tim ta’ Beto Fernandez kien fqir fis-sitwazzjonijiet ta’ man-ups u falla diversi tentattivi meta r-riżultat kien għadu qrib. Huma sofrew ukoll minn diversi kontrattakki, b’Jake Bonavia għamel ħsara f’aktar minn okkażjoni waħda.

Ironikament kien Mark Meli li poġġa lil Sliema minn fuq iżda San Ġiljan wieġbu b’gowls ta’ Matthew Zammit, Nicholas Bugelli u Jake Bonavia. Fit-tieni sessjoni, San Ġiljan kellhom vantaġġ ta’ 4-2 sakemm Andreas Galea b’doppjetta u gowl ieħor ta’ Bonavia minn kontrattakk kabbru d-distakk għal 7-2.

Ben Plumpton b’konklużjoni lejn il-lasta (Ritratt: Timmy Cutugno)

Dan għamilha diffiċli għal Sliema biex jirkupraw u għalkemm pruvaw kienu distakkati minn mal-avversarji. Kien biss permezz ta’ Dino Zammit li naqqsu r-riżultat għal 8-4.

Fl-aħħar sessjoni, Sliema ma rnexxielhomx isibu gowls kmieni biex jibqgħu jittamaw u kienu kostretti biss iwieġbu għall-gowls tal-avversarji, b’San Ġiljan jikkontrollaw mingħajr diffikultà. Lejn it-tmiem, weġġa’ l-gowlkiper Slimiż Nicky Grixti wara li sofra daqqa mal-aħħar gowl ta’ Matthew Zammit.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea, D. Rizzo, M. Meli (1), B. Cachia, J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg, K. Borg, Z. Mizzi (1), D. Zammit (4), A. Theuma, J. Saliba, J. Gambin

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (2), N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit (3), M. Ortoleva, D. Tully, J. Bonavia (2), N. Zammit (2), D. Zammit, N. Bugelli (1), G. Vassalo, B. Plumpton (1), D. Fero

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Jake Muscat jiskorja ġmiel ta’ backhand (Ritratt: Michael Paris)

Jake Muscat jispikka fir-ritorn

SIRENS MECCA MARINE…… 5

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 9

(0-2), (2-3), (1-4), (2-0)

Neptunes Videoslots pattew għat-telfa li sofrew kontra Sirens Mecca Marin aktar kmieni f’din il-kompetizzjoni. Imsaħħa bir-ritorn mill-Montenegro ta’ Jake Muscat, Neptunes kienu superjuri għall-avversarji, li madankollu ma kellhomx prestazzjoni negattiva.

Muscat poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ b’doppjetta fl-ewwel sessjoni. Sirens irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 3-2 fit-tieni sessjoni iżda reġa’ kien Muscat li b’doppjetta oħra għamilhom 5-2, b’gowl minnhom jasal minn ġmiel ta’ backhand preċiż.

Huma aċċertaw mir-rebħa fit-tielet sessjoni, bi tliet gowls konsekuttivi li kabbru d-distakk għal 9-3. Sirens irnexxielhom tal-anqas inaqqsu d-distakk fl-aħħar sessjoni permezz ta’ Gianni Farrugia u Jerome Zerafa Gregory.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, J. Sciberras, J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (2), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (1), M. Bonello Dupuis, K. Agius

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (4), S. Gialanze (3), G. Pace, J. Cachia, J. Spiteri Staines (1), M. Castillo, J. Camilleri, R. Galea, M. Spiteri Staines (1), M. Zammit, M. Farrugia, L. Mallia, B. Zammit

Referees: Peter Balzan, Neville Mercieca

Kif Spiċċaw

Kampjonat Premier

                             L       R       D       T       F       K       Pti

San Ġiljan             10      9        0        1        132    61      27

Sliema                   10      9        0        1        125    50      27

Sirens                   10      4        1        5        73      97      13

Neptunes             10      4        1        5        86      86      13

Birżebbuġa          10      1        2        7        62      119    5

Exiles                    10      1        0        9        64      129    3

* Decider bejn Sliema u San Ġiljan għar-rebħ tal-kampjonat