Lokali

Il-President ta’ Malta jinawgura l-14-il leġislatura bid-‘Diskors mit-Tron’

Wara sitt ġimgħat mill-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, is-Sibt filgħodu ngħata bidu għall-14-il leġislatura mill-Indipendenza ‘l hawn.

Matul id-diskors tiegħu għal din l-okkażjoni – magħruf bħala d-Diskors mit-Tron – il-President ta’ Malta George Vella qal li hu importanti li l-Parlament jibgħat sinjal qawwi li dak li qed jiġri fl-Ukrajna mhux aċċettabbli, hu kundannabbli u għandu jitwaqqaf mill-aktar fis.

Hu qal li, għalkemm pajjiżna hu ‘l bogħod minfejn għaddej il-ġlied, xorta qed jintlaqat minn sfidi, partikolarment bi prezzijiet ogħla għal affarijiet essenzjali, bħall-enerġija, l-ikel u l-ġarr tal-merkanzija.

Fid-diskors li jindika l-politika tal-Gvern għal din il-leġislatura, il-President fakkar ukoll fl-importanza tal-fondi li pajjiżna kiseb mill-Unjoni Ewropea billi qal li dawn għandhom jintużaw bl-aħjar mod possibbli ħalli jitwettqu l-bidliet essenzjali.

Dwar il-pożizzjoni ġeografika tal-gżejjer tagħna, George Vella qal li, bħala gżira fil-Mediterran, irridu nibqgħu nservu bħala sors ta’ djalogu u promotur tal-paċi, b’mod partikolari fir-reġjun, fejn pajjiżna jibqa’ jaqdi r-rwol ta’ interlokutur bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.

Il-President ta’ Malta qal li għandna l-obbligu li nissalvagwardjaw b’kull mezz possibbli lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Barra minhekk, jekk verament għandna għal qalbna lil uliedna, għandha tittieħed azzjoni deċiżiva favur l-ambjent għax, jekk mhux se nieħdu ħsieb l-ambjent, l-ekonomija tagħna ma tistax tkompli trendi.

George Vella elenka l-wegħda tal-Gvern li jitlesta l-proġett ta’ bini ta’ 1,700 unit ġdid ta’ housing … xi ħaġa li l-Maltin u l-Għawdxin ilhom jistennew għal diversi snin.

Fl-istess waqt, innota l-importanza li l-ġenituri jkollhom sehem attiv fit-trobbija tal-ulied, fost l-oħrajn billi jiżdied il-leave tal-paternità minn jumejn għal għaxart ijiem … miżura li tista’ tidħol fis-seħħ wara impenn qawwi mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.

Sadanittant, qabel ma daħal fil-binja tal-Parlament, il-President ta’ Malta ngħata s-Salut Nazzjonali qabel ma spezzjona l-Gwardja tal-Unur tal-Forzi Armati ta’ Malta.