Il-ġurnata tal-ftuħ tal-Parlament Malti bdiet b’quddiesa fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta ċċelebrata mill-Arċisqof Charles J Scicluna.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof fakkar kif fiż-żjara tiegħu f’pajjiżna x-xahar li għadda, il-Papa Franġisku saħaq kif għandna nkunu tassew laboratorju ta’ ġustizzja soċjali, ta’ paċi soċjali… eżempju ta’ kif ikollna konvivenza soċjali tajba.
“L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-Tramuntana jnaddaf il-kosta tal-pajjiż. U jalla dejjem jibqgħu jkunu kkultivati l-legalità u t-trasparenza li jippermettu li jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l-kriminalità li huma marbutin flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx.”
Huwa qal li sfortunatament għal ħafna, il-politika llum l-ġurnata saret kelma kerha fejn ma nistgħux nagħlqu għajenja għall-fatt li wara dan spiss hemm l-iżbalji, il-korruzzjoni, l-ineffiċjenza ta’ xi politiċi. Bl-Ariċosqof jagħmel referenza għal dak li qal Papa Franġisku meta saħaq li wieħed ma jistax isib triq effikaċi lejn il-fraternità universali u l-paċi soċjali mingħajr politika tajba.
“Għandna bżonn il-politika u għandna bżonn partiti politiċi magħmula minn nies determinati li jwettqu u jagħmlu xi ħaġa. Għandna bżonn ta’ politika li taħseb b’viżjoni wiesgħa, u li ġġib ’il quddiem viżjoni integrali ġdida, li tinkludi fi djalogu interdixxiplinari d-diversi aspetti tal-kriżi.”
Fi kliem sempliċi l-Arċisqof saqsa min qed jikkmanda… jekk hux il-flus jew il-ġid komuni.Huwa għalaq bit-tislima speċjali li l-Papa Franġisku ta lil pajjiżna meta qal li Malta tirrappreżenta l-jedd u s-saħħa taċ-ċkejknin li hija għanja fl-istorja u ċ-ċiviltà, li tmexxi ’l quddiem il-loġika tar-rispett u tal-libertà.
“Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, nawgura u nitlob li bl-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom, Malta tkompli tikber f’ambjent fejn tassew nagħtu xhieda ta’ rispett u ta’ libertà, u tal-kapaċità li minkejja d-differenzi, aħna ngħixu ma’ xulxin u l-progress tagħna jkun tassew il-promozzoni tal-ġid komuni.“
Filwaqt li awgura lid-Deputati kollha għall-ħidma tagħhom, l-Arċisqof saħaq li jalla li l-ħidma tagħhom tkun espressjoni ta’ mħabba politika.
L-ewwel qari sar mill-Whip Laburista Andy Ellul, is-Salm Risponsorjali nqara mid-Deputat Whip tal-Gvern Naomi Cachia, it-tieni qar twassal mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar filwaqt li d-Deputat Speaker David Agius qara t-talbiet tal-fidili. L-iżgħar żewġ Deputati fil-Parlament Malti, Eve Borg Bonello u Cressida Galea, tellgħu l-offerti.



Preżenti għal din il-quddies kien hemm l-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-President Emeritus George Abela kif ukoll l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kif ukoll id-Deputi kollha eletti miż-żewġ naħat tal-kamra.
