Mhuwiex soltu li f’Mejju, ir-Rabat ikun imlibbes b’libsa festiva iżda din is-sena, il-Festa ta’ San Ġużepp qed tiġi ċċelebrata ftit aktar tard mis-soltu, minħabba li sa Marzu, kien għad hemm fis-seħħ numru ta’ restrizzjonijiet.
Neville Muscat, Segretarju tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, jitkellem ma’ Net News dwar dak li ppreparaw għal din il-festa.
“Aħna l-festa din is-sena qed inħarsu lejha b’ċertu ottimiżmu bis-sehem tal-banda wara sentejn ma stajniex niċċelebraw il-festa kif nafu niċċelebrawha b’mod normali. Bħala sehem tal-banda, aħna ndoqqu fil-Marċ tal-Aħħar Jum tat-Tridu, Marċ ieħor Lejlet il-Festa u l-Marċ Tradizzjonali ta’ nhar il-Festa waranofsinhar, marċ popolari magħruf aħjar bħala l-Marċ tas-Siegħa. Apparti hekk, bħala Għaqda niftħu dan il-bini fi żmien il-festa għall-pubbliku. Wieħed jista’ jiġi jżur dan il-Każin għax hawn x’jara ġo fih. Se jkun miftuħ Lejlet il-Festa filgħaxija u anki f’nhar il-Festa fil-ħin tal-marċ kif ukoll fil-ħin tal-purċissjoni.”
Din se tkun ukoll l-ewwel festa minn mindu sar ir-restawr estensiv fuq il-faccata tal-Każin tal-Banda L’Isle Adam.
Din il-faccata sarulha interventi ta’ restawr fil-ġebla, u fl-injam tal-gallerija. Sar ukoll xogħol, sabiex tneħħew kwantità kbira ta’ wires biex b’hekk il-faċċata irritornat għall-istat glorjuż tagħha.
“Ġew mibdulin ukoll l-aperturi kollha li jħarsu fin-naħa tan-nofsinhar tal-Każin u kellna ukoll xogħlijiet oħra, fosthom ir-restawr tal-aperturi tan-naħa ta’ Triq San Pawl, fejn sar ir-restawr tal-faċċata li saret grazzi għall-iskema ‘Irrestawra Darek’. Għamilna diversi proġetti oħra, fosthom ir-restawr tas-saqaf tal-kamra tal-Arkivju, grazzi għall-fondi miksuba mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Għaqda Każini tal-Banda.”
Dan il-proġett ġie inawgurat il-Ħadd 20 ta’ Marzu fejn kien hemm anke il-parteċipazzjoni tal-Banda L’Isle Adam.
//= $special ?>