L-Għaqda Mużikali San Leonardu tħabbar li ser isir marċ ċelebrattiv mill-Banda San Leonardo mat-toroq ta’ Ħal Kirkop nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju mid-9.30 ta’ filgħodu. Dan wara li l-Fabbrika tan-Nar San Leonardu fi ħdan l-istess Għaqda rebħet l-erbatax-il edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu.
Dan sar lejlet il-festa ta’ San Publiju fuq il-Fosos tal-Furjana nhar is-Sibt 30 t’April, f’atmosfera ta’ kompetizzjoni bejn għaxar fabbriki tan-nar Maltin, li lkoll ippreżentaw żewġ biċċiet ta’ nar mekkanizzat. Il-Fabbrika tan-Nar San Leonardu ikkompetiet b’żewġ opri mekkanizzati li ddistingwew ruħom għall-kwalità u l-ispettaklu li ħolqu. Dawn kienu jikkonsistu f’universal kumpless li ħoloq disinji partikolari u nar mekkanizzat b’ingranaġġi akkumpanjati bi spettaklu sinkronizzat mal-mużika Carnival de Paris maħruqa bis-sistema FireTek.
Il-ġurija internazzjonali nkurunat lill-Fabbrika San Leonardu bħala rebbieħa ta’ din l-edizzjoni, dan wara li kklassifikat l-ewwel fil-kategorija tal-aqwa mekkaniżmi u t-tieni fil-kategoriji tal-aqwa prodott u l-oriġinalità.