Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Attakk tar-Russi fuq skola x’aktarx li ħalla l-għexieren ta’ ċivili mejtin

Numru ta’ pajjiżi, flimkien mal-gruppi u assoċjazzjonijiet favur id-drittijiet ċivili, ingħaqdu f’kundanna għal attakk ieħor mill-qawwiet tar-Russja fuq iċ-ċivili tal-Ukrajna.  Dan meta l-aħħar rapporti rreferew għall-probabbiltà kbira li nqatlu talanaqas 60 persuna, inklużi tfal, wara li bomba tar-Russi laqtet skola fejn kien hemn l-għexieren ta’ ċivili jistkennu mill-furja tal-gwerra.

Ir-rapporti qalu li fil-ħin tal-attakk kien hemm madwar 120 resident lokali fid-diversi sezzjonijiet tal-iskola li tinsab fil-villaġġ ta’ Bilohorivka, viċin il-front tal-gwerra tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.

L-attakk qed jitqies bħala ‘atroċità oħra’ tar-Russja fuq iċ-ċivili tal-Ukrajna mindu l-qawwiet tal-Kremlin invadew lit-territorji Ukreni fl-24 ta’ Frar.

Dan meta l-Gvern Ukren qed jakkuża lil Moska – u lill-President Russu Vladimir Putin – b’li qed jikkonċentraw l-attakki speċifiċi fuq l-istituzzjonijiet edukattivi, inklużi l-iskejjel u l-kulleġġi, tal-Ukrajna. Fil-fatt l-indikazzjonijiet huma li nqerdu talanqas 20 minn dawn is-siti u oħrajn għall-funzjonijiet ċivili differenti mindu r-Russi invadew lill-Ukrajna.

Is-sitwazzjoni hi tant li l-kelliema għall-Gvern Ukren, flimkien ma’ diversi entitajiet barranin, qegħdin ifissru l-invażjoni tal-Ukrajna bħala ‘il-gwerra tal-Kremlin kontra l-familji u t-tfal.’

Bħalissa, l-iskwadri għall-emerġenzi f’Bilohorivka qed ifittxu għall-għexieren tan-neqsin qalb it-tifrik tal-bini tal-iskola u wara li damu talanqas tliet sigħat biex jikkontrollaw il-fjammi fis-sit. Intant, ir-rapporti qalu li salvaw xi 30 persuna mill-inħawi, iżda l-iskwadri elevaw ukoll numru ta’ mejtin fost indikazzjonijiet li fadal l-għexieren tan-nies taħt ir-radam.