Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: L-aħħar difensuri f’Mariupol ma jridux iċedu lir-Russi

Il-battalja għall-kontroll sħiħ ta’ Mariupol għadha għaddejja fost l-isforzi diplomatiċi biex jinħelsu numru ta’ suldati midruba mill-kumpless industrijali ta’ Azovstal, li sar l-aħħar fortizza tar-reżistenza (f’din il-belt) kontra l-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Ir-Russja ilha l-ġimgħat tinsisti b’assedju fuq din il-faċilità fost l-insistenza biex iċedu l-aħħar suldati Ukreni fuq ġewwa – inklużi membri tal-battaljun ta’ Azov, li jifforma parti mill-qawwiet elitisti tal-Ukrajna.

Intant – u għalkemm l-Ukrajna, nhar is-Sibt, qalet li spiċċaw evakwati n-nisa, it-tfal u l-anzjani kollha li kienu ilhom fil-kumpless għal ġranet sħaħ — is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti minn dik preżentata mill-awtoritajiet Ukreni fl-aħħar bullettini dwar is-sitwazzjoni ta’ Mariupol.

Fil-fatt, is-suldati tal-battaljun Azov għamlu konferenza tal-aħbarijiet online mill-faċilità industrijali fejn qalu li ma setgħux jikkonfermaw jekk iċ-ċivili kollha spiċċawx evakwati minn hemmhekk. Dawn is-suldati kkonfermaw ukoll li r-Russi għadhom qed jibbumbardjaw iz-zona fost l-attentati biex jidħlu fil-faċilità bl-iskop li jeqirdu l-aħħar ħjiel ta’ reżistenza.

Id-difensuri Ukreni fil-kumpless, intant, qalu li ‘mhumiex qed jikkunsidraw li jċedu għal minuta għaliex ir-Russi mhumiex interessati f’li jieħduhom ħajjin’.

L-istess kelliema sostnew li ‘ma jistgħux iħallu lill-għadu jieħu l-kontroll ta’ faċilità daqshekk importanti minn lat strateġiku’; b’wieħed mill-uffiċjali Ukreni jgħid li hu u sħabu ‘se jirreżistu sal-aħħar kontra qawwiet barbari li qed inisslu t-terrur ( fl-Ukrajna) kulfejn imorru’.