Il-grupp Amnesty International qal, f’rapport, li l-qawwiet tar-Russja jridu jiffaċċjaw il-ġustizzja għal sensiela ta’ reati tal-gwerra li t-truppi tagħhom wettqu fil-madwar ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna.
Dan ħareġ minn investigazzjoni bir-reqqa dwar l-effetti tal-gwerra fi Kiev u fiz-zoni qrib tiegħu — bid-difensuri għad-drittijiet umani qegħdin jibżgħu li jinkixfu aktar atroċitajiet mill-militar tal-Kremlin li ilu mill-24 ta’ Frar għaddej bl-invażjoni tal-artijiet Ukreni.
L-investigazzjoni tal-Amnesty kopriet numru ta’ bliet u villaġġi, bir-rapport isostni li ‘iċ-ċivili Ukreni spiċċaw suġġetti għall-isparaturi bla ħniena u t-tortura ( taħt idejn ir-Russi)’.
Donatella Rovera, bħala l-crisis response adviser ewlenija ma’ Amnesty, qalet li ‘l-inċidenti qattiela fil-madwar ta’ Kiev ma kenux azzjonijiet iżolati – anzi huma parti minn kampanja ta’ qtil sistematika fis-sitwazzjonijiet fejn il-qawwiet Russi jieħdu kmand ta’ xi belt jew villaġġ tal-Ukrajna’.
Mhux eskluż, intant, li, ‘il quddiem, il-komunità internazzjonali tressaq akkużi ta’ ġenoċidju fil-konfront tal-President Russu Vladimir Putin u l-Kremlin ta’ Moska.
Sadanittant, ir-rapport tal-Amnesty qed jibbaża fuq għexieren ta’ intervisti u analiżi estensivi tal-provi li t-truppi Russi ħallew warajhom ‘qalb iz-zoni tal-massakri’.
L-agħar massakru ta’ ċivili Ukreni jidher li hu dak li kien seħħ xi ġimgħat ilu fil-belt ta’ Bucha ( qrib Kiev) – bir-Russja qed tkompli tiċħad dwar reati kontra ċivili mhumiex armati.
//= $special ?>