Slava Ukrania!
Din kienet l-għajta ta’ diversi Ukreni li għal ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar inġabru quddiem l-ambaxxata Russa sabiex jipprotestaw, kemm kontra l-invażjoni llegali li bħalissa għaddejja f’pajjiżhom, kif ukoll l- inġustizzji li għaddejjin fuq iċ-ċittadini Ukreni mill-armata Russa.

Waqt din il-protesta diversi kelliema spjegaw kif fid-9 ta’ Mejju, r-Russja mistennijja tiċċelebra ‘Jum ir-rebħa’.. il-jum li l-Unjoni Sovjetika għelbet lill-armata Nazista fl-1944.

L-Ukreni saħqu li l-ironija hi, li l-istess pajjiż li fil-passat kien iġġieled kontra n-Nazzismu issa spiċċa jimxi fuq l-istess passi li fi-pasat ħadem qatiegħ biex iwaqqaf, meta ddikjara gwerra barbara bl-għan li jżid il-kontroll tiegħu fl-Ewropa.

Fost dawn il-kelliema tkellmet Rita, tfajla li 4 ġimgħat ilu kellha tippakja kollox u taħrab minn pajjiżha lejn l-Ewropa bl-għan li tiskappa l-gwerra li spiċċat qerditilha darha u pajjiżha.

Matul din il-protesta ingħataw ukoll dettalji dwar dawk li ssejħu llegalitajiet li bħalissa qiegħdin jagħmlu diversi truppi Russi lit-truppi Ukreni fejn saħansitra qiegħdin jsawtuhom u jġagħluhom joqodu f’kundizzjonijiet ħorox li tmur kontra l-Konvenzjoni tal-Geneva.