Manchester City għamlu pass kbir ieħor ‘il quddiem fit-tentattiv biex jibqgħu Champions tal-Ingilterra, grazzi għal rebħa kbira, 5-0, fuq Newcastle United fl-Etihad Stadium. B’hekk City – li nhar it-Tlieta kienu eliminati minn Real Madrid fis-semi-finali taċ-Champions League — fetħu vantaġġ ta’ tliet punti f’ras il-klassifika u meta għandhom ukoll differenza ta’ gowls superjuri fuq it-tieni tim, Liverpool.
City kienu determinati li japprofittaw miż-żelqa ta’ Liverpool kontra Tottenham Hotspur (1-1) u huma qatt ma ħarsu lura mindu Raheem Sterling fetaħ l-iskor bir-ras fid-19-il minuta. Newcastle kienu neqsin mis-soltu intensità u ma kenitx sorpriża meta City irduppjaw mid-difensur Aymeric Laporte (38) wara li l-gowlkiper Dubravka ma żammx il-volley ta’ Ilkay Gundogan.
Mas-siegħa logħob, imbagħad, kien Rodri li għalaq kull diskors bit-tielet gowl għal City, li wasal minn header preċiż fuq il-korner ta’ Kevin de Bruyne. Il-Geordies qatt ma heddew serjament il-lasta ta’ City – bit-tim ta’ Pep Guardiola iżid żewġ gowls oħra fl-aħħar minuti. Dawn waslu mis-sostitut Phil Foden (90) fuq l-assist ta’ Oleksandr Zinchenko, bi Sterling jagħmilhm ħamsa b’’finish’ mill-viċin, tliet minuti fuq il-ħin regolamentari.
Arsenal għamlu pass kbir lejn kwalifikazzjoni għaċ-Champions League b’rebħa, 2-1, fuq Leeds United fl-Emirates Stadium. Intant Leeds – li spiċċaw il-logħba b’għaxra — jinsabu f’inkwiet serju wara li niżlu fiz-zona l-ħamra tal-klassifika għall-ewwel darba f’dan l-istaġun.
Din kienet anki r-raba’ rebħa konsekuttiva għall-Gunners ta’ Mikel Arteta li nhar il-Ħamis jilgħabu kontra Tottenham Hotspur fid-derby ta’ Londra u meta ż-żewġ rivali qegħdin jissieltu għar-raba’ post fil-Premier League. Kien il-gowlkiper ta’ Leeds, Illan Meslier li rregala żewġ gowls lil Arsenal fejn – għall-ewwel wieħed – ikkontrolla ħażin il-ballun, b’Eddie Nketiah ikun pront li jiftaħ l-iskor wara biss ħames minuti.
Fl-għaxar minuta Nketiah mill-ġdid approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Meslier u d-difiża għat-2-0 – bil-logħba tkompli għat-telgħa għal Leeds wara li tkeċċielhom il-captain, Luke Ayling (27), għal fawl bla bżonn fuq Marinelli. Madankollu l-aħħar minuti tal-logħba kienu nervużi għal Arsenal wara li Diego Llorente (66) għeleb lil Ramsdale bir-ras mill-viċin. Iżda għalkemm Leeds komplew sal-aħħar jagħfsu għad-dro, il-Gunners żammew il-vantaġġ minimu sal-aħħar biex issa qed igawu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Spurs li jinsabu l-ħames fil-klassifika.
Il-ġurnata ta’ Leeds kompliet għall-agħar bir-rebħa ta’ Everton, 2-1, fuq Leicester City fil-King Power Stadium u għal tliet punti importanti li jistgħu jiswew salvazzjoni ‘fl-aħħar nifs’ għat-Toffees ta’ Frank Lampard. Everton marru fil-vantaġġ fis-sitt minuta meta Vitaliy Mykolenko sab ix-xibka b’volley mill-isbaħ, iżda Patson Daka (11) għamilhom 1-1 wara li Yerry Mina żbala fid-daqqa ta’ ras lejn Pickford u bl-attakkant tal-Foxes ma jkollux diffikultà biex jegħleb lill-gowlkiper tat-Tottees.
Intant, Everton ma damux biex jagħmlu l-iskor 2-1, bil-gowl deċiżiv jiskurjah id-difensur Mason Holgate wara li l-gowlkiper Schmeichel kien salva parzjalment fuq il-header ta’ Richarlison waqt azzjoni minn korner. Leicester minn dak il-ħin ħadu kmand tal-logħba iżda sabu quddiemhom difiża determinata li ddefendiet ir-riżultat sal-aħħar. Dan ifisser li Everton, issa, għandhom id-destin tagħhom f’idejhom meta fadlilhom erba’ logħbiet għat-tmiem tal-istaġun,.
Il-manager ta’ West Ham, David Moyes, qal li l-Hammers ‘huma ddisprati biex jirritornaw għal-logħob tal-Ewropa’ u wara li huma rebħu lil Norwich City, 4-0, f’Carrow Road. B’hekk it-taqtigħa għal post fl-Europa League baqgħet indeċiża sal-aħħar jum, bil-Hammers jinsabu fis-seba’ post tal-Premier Ingliż, tliet punti wara Manchester United, iżda b’differenza ta’ gowls superjuri u meta (anki) lagħbu logħba anqas mir-Red Devils,
Ir-rebħa ta’ West Ham – li nhar il-Ħamis kienu eliminati minn Eintracht Frankfurt fis-semi-finali tal-Europa League – kienet waħda akkademika, b’Said Benrahma jiskorja doppjetta (12, 45) u bil-gowls l-oħra jaslu minn Michail Antonio (30) u Manuel Lanzini minn penalty.
Norwich, li huma diġà relegati għal The Championship, qatt ma kienu fil-logħba u meta dan hu t-tielet staġun konsekuttiv fejn il-promozzjoni tal-Canaries għall-ogħla diviżjoni Ingliża kienet segwita b’relegation wara biss staġun wieħed mal-kbar.
//= $special ?>