Milan komplew isaħħu posthom fl-ewwel post meta għelbu lil Verona 3-1. B’rebħa barra minn darhom li mmaturat fit-tieni taqsima, Milan żammew il-vantaġġ fuq Inter fl-ewwel post tal-klassifika biex aktar minn qabel jibqgħu favoriti għar-rebħ tal-Kampjonat. Fis-16 il-minuta kien Sandro Tonali li għeleb lil Lorenzo Montipo bil-gowl ma jkunx ikkonvalidat bil-VAR minn Daniele Doveri minħabba offside tal-istess Tonali.
Minkejja dominju assolut minn Milan, fit-38 minuta minn azzjoni bejn Caprari u Darko Lazovic kien DAVIDE FARAONI li bir-ras għeleb lil Maignan. Fit-tielet minuta ta’ ħin miżjud l-iskor sar 1 – 1. Minn azzjoni ta’ Rafael Leao kien SANDRO TONALI li għeleb lil Lorenzo Montipo fi tmiem l-ewwel taqsima.
Milan fetħu t-tieni taqsima fuq l-offensiva. Fid-49 minuta minn pass ta’ Leao, mill-ġdid kien TONALI li għeleb lil Montipo għat-2 – 1. Fis-86 minuta kien ALESSANDRO FLORENZI li minn azzjoni ta’ Junior Messias għamel l-iskor 3 – 1 u għalaq il-partita. B’hekk meta għad fadal żewġ partiti għat-tmiem tal-Kampjonat Milan jibqgħu b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Inter.
Kellha tkun il-partita deċiżiva għas-salvazzjoni b’Salernitana u Cagliari jtemmu fi draw ta’ 1-1. Partita li mmaturat fit-tieni taqsima b’Salernitana bi 30 punt jibqgħu punt vantaġġ fuq Cagliari bit-taqtiegħa tibqa’ miftuħa. Minkejja li Salernitana fl-ewwel taqsima kellhom aktar pussess Alessio Cragno u Luigi Sepe b’xi mod żammew ir-riżultat intatt.
Fit-tieni taqsima żdiedet il-pressjoni minn Salernitana. Fit-68 minuta foul ta’ Metteo Lovato fuq Giorgios Kostanos. Marco di Bello kkonsulta l-VAR. Saffar penalty għal Salernitana b’Simone Verdi jgħeleb lil Alessio Cragno. Minuta wara għal tilwim bejn il-plejers, Di Bello ma kellu ebda alternattiva ħlief li jkeċċi lil Franck Ribery minn fuq il-bank tas-sostituti bl-istess xorti tmiss lil Boris Radunovic.
Bejn plejers ammoniti u aktar minn għaxar minuti ta’ ħin miżjud, fit-99 minuta minn azzjoni ta’ Daniele Baselli kien Giorgio Altare li għamel l-impossibbli u għeleb lil Cragno biex żamm ix-xaqq ta’ tama li Cagliari jistgħu jsalvaw.
//= $special ?>