Lokali

Tħassib dwar ir-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija

Il-Kap tal-Federazzjoni li tirrapreżenta lill-Pulizija madwar l-Ewropa qajjem tħassib dwar ir-relazzjonijiet mill-qrib li jeżistu bejn il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija.

Calum Steele, il-President tal-European Confederation of Police jew kif magħrufa aħjar il-EuroCOP, f’intervista mat-Times of Malta qajjem dubji dwar diversi proċeduri fil-korp tal-pulizija ta’ pajjiżna.

Punt partikolari li agħfas fuqu Steele kien is-separazzjoni fl-irwoli tal-kummissarju u l-Gvern, fejn jidħlu ħatriet ewlenin. Hu saħaq li n-nuqqas ta’ separazzjoni, iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja fil-korp.

Il-President tal-EuroCOP kellu wkoll kliem iebes dwar il-fatt li pajjiżna kellu seba’ kummissarji differenti bejn l-2013 u l-2020 fejn saħaq li dan joħloq inċertezza.

Calum Steele kien f’pajjiżna għal laqgħa li kellu mal-Kummissarju Angelo Gafa u mas-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila fejn fost il-punti li kienu diskussi, issemma’ kif ħafna mis-70 għassa f’Malta u f’Għawdex huma antikwati u huwa impossibbli li minnhom jingħata servizz adekwat.

Fl-intervista mat-Times, Steel wassall appell b’saħħtu biex l-investiment meħtieġ isir biex il-pajjiż jaċċerta’ li jkun sigur bl-aqwa mod possibbli.