Lokali Parlament

“Wasal iż-żmien li nirrevedu l-mod li bih jinħatar l-Ispeaker” – L-Editorjal tat-Times

“Wasal iż-żmien li nirrevedu l-mod li bih jinħatar l-Ispeaker.” – Din hi d-dikjarazzjoni li tagħmel it-Times of Malta fl-Editorjal tal-Ħadd fejn tispjega kif matul is-snin prattikament il-persuni kollha li okkupaw il-kariga, minn meta twaqqaf il-Parlament fl-1921, kienu politiċi. Bit-Times tisħaq li wara disa’ snin fit-tmun u minħabba kritika ġustifikata tal-mod li kienu trattati ċertu kontroversji, wasal iż-żmien għall-bidla għaliex “kif inhi, din il-leġiżlatura l-ġdida bdiet fuq sieq ħażina,” jgħid l-editur.

Il-gazzetti tal-Ħadd huma dominati minn dak kollu li ġara fil-Parlament ilbieraħ hekk kif ingħata bidu għall-14-il leġislatura, bit-Times of Malta tagħżel li anke tikteb editorjal dwar dak li seħħ fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż. It-Times tgħid li l-Parlament, fejn jidħlu impjegati u kundizzjonijiet tax-xogħol għamel qabża fl-aħħar snin.

L-editur jistqarr li l-Parlament għandu rwol kruċjali li jżomm taħt il-lenti l-ħidma tal-Gvern iżda jsemmi kif madanakollu, l-ispeaker tal-kamra jista’ jiġi appuntat jew imneħħi mill-Gvern tal-ġurnata. Jgħid li minkejja l-importanza tal-irwol, l-Ispeaker tal-kamra m’għandux is-sigurtà li jżomm postu għal tul ta’ żmien.

It-Times tal-Ħadd fakkret kif il-Partit Nazzjonalista xtaq li l-Ispeaker ikun persuna indipendenti u imporzjali, jiġifieri persuna li ma kellux ebda konnessjoni ma’ partit jew ieħor. Hawnhekk l-editur tal-gazzetta jsemmi diversi eżempji ta’ Parlamenti barra minn Malta li jaddottaw sistema ta’ kif ippropona l-Kap tal-PN Bernard Grech.

Fl-editorjal tal-Ħadd, it-Times tispjega l-limitazzjonijiet li għandu l-persuna li jokkupa l-kariga ta’ speaker f’pajjiżna, fejn jissemma’ fost l-oħrajn, li apparti l-‘casting vote’ il-President tal-Kamra ma’ jista’ qatt jivvota.

Fid-dawl ta’ dan, fl-aħħar snin, l-Ispeaker ingħata l-irwol li jmexxi l-House Business Committee u l-House Standards Committee, iżda t-Times tfakkar fil-kontroversji li nqalgħu meta f’dan tal-aħħar kienu diskussi rapporti dwar Joseph Muscat u Rosianne Cutajar.