Lokali

52% tal-homeless huma Maltin; 58 tifel u tifla bla saqaf fuq rashom

“Ir-riċerka li saret tat dawl differenti milli konna naħsbu hekk kif 52% mill-persuni homeless huma Maltin.”

Hi din is-sitwazzjoni f’pajjiżna ta’ persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jaffordjawx li mqar ikollhom kamra waħda fejn jgħixu.

Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv ta’ YMCA, Anthony Camilleri qal li rapport li sar fl-aħħar xhur juri li fost dawk li jinsabu fix-shelters hemm kemm adulti u anke tfal.

“Fix-shelters hemm 178 persuna adulti u magħhom hemm 58 tfal li qed jgħixu magħhom. Ma stennejtnix dan l-ammont kbir ta’ tfal li l-età medja hi ta’ 5 snin.”

Waqt intervista fil-programm NETLIVE, Anthony Camilleri stqarr li t-tfal huma fost dawk l-iktar affetwati minn sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip.

“Dawn it-tfal qed jgħixu f’ambjent differenti ‘l bogħod minn dak li kienu jafu qabel, sitwazzjoni meqjusa bħala kiefra.”

Dan ir-rapport juri biss realtà żgħira ta’ dak li hawn f’Malta, hekk kif dan l-istudju jilħaq biss dawk li fitxew l-għajnuna u ftit isemmi lil dawk li jgħixu fit-triq.

Camilleri kompla jispjega li huma tlieta l-ikbar fatturi ta’ dawk li jispiċċaw ifittxu l-għajnuna.

“L-iktar problema illi twassal persuna bla saqaf fuq rasha hi l-problema finanzjarja. Wara hemm xi ħaġa ġdida li ma konniex qed nistennew, is-saħħa mentali, imbagħad hemm il-vjolenza domestika li fil-maġġorparti tan-nisa bla saqaf fuq rashom hu kawża ta’ dan il-fattur.”

Il-YMCA joffru programm speċjalizzat biex jgħinu lil min ikun qed joħroġ mit-trawma u jerġa’ jiġi fuq saqajh… iżda sfortunatament, il-problema tal-għoli tal-ħajja mhi tgħin lil ħadd.

Fil-fatt, l-aħħar riċerka li saret minn Caritas turi li xirja tipika ta’ familja t’erba’ persuni żdiedet bi 18% fl-aħħar sentejn, filwaqt li l-mediċini żdiedu b’16%.

U s-sitwazzjon għall-anzjani mhi xejn aħjar… hekk kif il-kont ta’ xirja għal koppja anzjana żdied b’25%.

B’numru kbir ta’ NGOs qed jappellaw lill-Gvern biex jaġixxi minnufih biex jagħti l-għajnuna meħtieġa lil dawk l-iktar li għandhom bżonn.