Għawdex Lokali

Anton Refalo fil-muta dwar il-ġebla protetta li żamm f’daru

Il-Ministru Anton Refalo ma jrid jgħid xejn aktar dwar il-ġebla li tmur lura għal żmien l-Ingliżi u li b’xi mod spiċċat fir-residenza tiegħu fil-Qala, biswit il-pool.

Dan minkejja li l-ġimgħa li għaddiet kien żvelat kif Refalo kien interrogat mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u kien anke msejjaħ mis-Suprintendenza għall-Wirt Nazzjonali.

Fi Frar li għadda, TheShiftNews żvelat li l-ġebla ta’ żmien l-Ingliżi – bil-marka “VR” minquxa fuqha – tinsab fir-residenza tal-Ministru wara li ibnu ppoża f’ritratt ma’ oħtu quddiem din il-ġebla storika.

Minn dakinhar, għaddiet l-elezzjoni u l-Prim Ministru reġa’ poġġa’ lil Anton Refalo fit-tieni Kabinett tiegħu.

Iżda wara li l-Ġimgħa li għadda kien interrogat mill-Pulizija, hu qed jagħżel li jibqa’ sieket dwar dan il-każ, bl-iskuża li ta żewġ stqarrijiet u m’għandux aktar xi jżid.

Monumenti ta’ żmien l-Ingliżi li jinsabu madwar pajjiżna huma protetti bil-Liġi għax huma meqjusin bħala Wirt Nazzjonali.

Madankollu, għall-Ministru Għawdxi dan kollu jidher li qisu xejn mhu xejn, hekk kif lanqas irid jispjega lill-poplu jekk jaħsibx li hu denju li membru tal-Kabinett ikun interrogat fuq ksur ta’ Liġi bħal din jew almenu jekk hux se jirriżenja mill-kariga sakemm inaddaf ismu.