Din il-gwerra ma niġġustifikaha bl-ebda mod, imma żgur li qed tiftħilna għajnejna biex waqt li nipproteġu lilna nfusna, nipproteġu wkoll il-kumplament tad-dinja. Għax bħalissa ħadd ma jista’ jħossu sikur, għandna t-theddida tal-armi nukleari, smajna diġà t-theddida lil pajjiżi oħra għax iridu jiddeċiedu huma l-futur tagħhom. Din mhijiex il-gwerra tal-Ukrajna imma l-gwerra ta’ kulħadd. Lil min nisma’ jgħid li din hi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna nikkoreġih u ngħidlu li din hija l-gwerra tar-Russja kontra l-umanità.
Kliem Olena Chaplytska, omm Ukrena ta’ żewġ ulied li ilha għal dawn l-aħħar xhur tgħix u taħdem f’Malta flimkien ma’ żewġha u wliedha.
Iltqajt magħha fl-uffiċċju tiegħi d-Dar Ċentrali proprju f’Jum l-Omm, biex nitkellmu ftit fuq dak li għaddejjin minnhom l-Ukreni bħalissa, fl-isfond ta’ gwerra kiefra u inġustifikata.
“Jiena twelidt u trabbejt fil-Krimea. Jiġifieri esperjenzajt diġà gwerra oħra fejn tlift dari tmien snin ilu minħabba l-okkupazzjoni tar-Russi, kif għadha sal-lum. Aħna b’xi mod hemm ngħixu fil-paċi sa ċertu punt, imma xorta waħda nittamaw li xi darba l-art tagħna tirritorna għandna, għand min suppost qiegħda. Hi l-art li tant inħobb, fejn twelidt u trabbejt. Trid tiġi hemm biex tara kemm hi art sabiħa… mimlija muntanji, siġar, baħar… Illum pajjiżi kollu jinsab fi gwerra, gwerra li ħarbtet il-ħajja ta’ bosta, li ħasdet u għadha taħsad il-ħajja ta’ bosta. Kollha aħwa Ukreni.”
Staqsejt lil Olena għandhiex qraba fl-Ukrajna. Weġbitni bla tlaqliq u kważi b’ton ta’ rabja: “44 miljun għandi qraba hemmhekk, aħna kollha aħwa Ukreni, li qed inbatu bla ħtija. Qegħdin niġġieldu biss għal dak li hu tagħna, ma rridu xejn li hu ta’ ħaddieħor.” Imbagħad tieqaf ftit għax tikkommovi ruħha… “Iebsa, iebsa…”
Issikkajtha ftit biex tgħidli għandhiex persuni speċjali aktar minn oħrajn. Qaltli li iva, għandha ħbieb speċjali, tal-qalb, li taħseb fihom kontinwament. Hemm ukoll ħu r-raġel tagħha li flimkien ma’ oħrajn qegħdin jgħinu fid-difiża ta’ Kiev waqt li martu ġiet Malta ma’ binha waqt li kienu għaddejjin il-bumbardamenti qrib tagħhom. Irnexxielhom jaħarbu biex ġew hawn ħalli jsalvaw il-ħajja ta’ binhom. Illum qegħdin magħna, imma ovvjament qalbhom u moħħhom għadhom hemm.”
L-24 ta’ Frar, 2022
Tlabt lil Olena tgħidli kif għexet il-ġurnata tal-24 ta’ Frar li għadda, dakinhar li t-truppi Russi wettqu l-ewwel attakki tagħhom fuq l-art Ukrena. Olena qaltli li t-tensjoni ma ħallithiex torqod hekk kif semgħet lill-President Russu Vladimir Putin jindirizza l-poplu bi kliem ta’ mibegħda lejn l-Ukrajna. “Minn hemm kont naf li ma nistgħu nistennew xejn ħlief affarijiet koroh.”
Kompliet tgħidli Olena, emozzjonata u b’għajnejha jdemmgħu: “It-tifel iż-żgħir kien marid dakinhar u jiena kont qed inżommu fi ħdani, nipprova nara li jorqod waqt li ħsiebi kien ukoll f’dak li qed jiġri jew x’se jiġri f’pajjiżi. Kont qed insegwi l-aħbarijiet b’tensjoni kbira u hekk kif Putin temm id-diskors tiegħu ħabib tagħna bagħatli messaġġ fuq facebook li qed jisma’ l-ħoss ta’ splużjonijiet. Malli qrajt il-messaġġ infqajt nibki u mort inqajjem lil żewġi u għedtlu ‘qum, qum, il-gwerra bdiet.’
“Kien għadu rieqed u ma jafx x’inhu jiġri eżatt u qalli ‘X’inti tgħid?!’ Jiena ma flaħtx inkellmu u komplejt nibki. Kulma għedtlu kien, ‘iftaħ it-tv u ara l-aħbarijiet.’ U spiċċajna bla kliem it-tnejn li aħna. Kienu għadhom il-5am. Lit-tfal ippruvajna ma ngħidulhom b’xejn, il-kbir mar l-iskola normali u jien għall-ħabta tat-8am xgħelt il-computer u ppruvajt naħdem, imma ma rnexxilix. Kelli wisq tensjoni u ma stajt nagħmel xejn ħlief nibki għall-kumplament tal-ġurnata. Infurmajt lill-kollegi tiegħi li ma kontx f’kundizzjoni li nista’ naħdem u kollha fehmuni u ssimpatizzaw miegħi. Inħossni grata ħafna lejhom.”
Olena qalet li bdiet sensiela ta’ telefonati lill-ħbieb tagħha fl-Ukrajna u minn dakinhar sal-lum għadha tipprova żżomm kuntatt magħhom, anki permezz ta’ chat group li fih kultant imqar jagħmlu s-simbolu ‘+’ biex juruna li għadhom ħajjin. Oħrajn ma rnexxilix nagħmel kuntatt magħhom jew dan il-kuntatt intilef mal-mogħdija tal-ġranet, u kuljum nittama li dawn tilfu l-mobile tagħhom u għadhom ħajjin. Imma min jaf, min jaf! Naf persuni li weġġgħu, oħrajn li qegħdin l-isptar u oħrajn li huma terrorizzati jaraw b’għajnejhom dak li qed iseħħ.”
Poplu b’qalb kbira
Olena qaltli kemm għandhom qalb kbira l-Ukreni. “Tara nies ħerġin qalbhom maqsuma minn darhom u filwaqt li min jaf kemm ħallew affarijiet warajhom, tarahom iġorru fuqhom xi kelb jew qattus li kellhom. Jippruvaw isalvaw kull ħajja li jistgħu, mhux biss dik ta’ bnedmin bħalhom. Naf ħabib tiegħi li ġarr f’idejh il-qattus tiegħu għal kilometri twal waqt li l-bombi kienu neżlin fuq Kiev u rnexxielu jsalva hu u l-qattus ukoll. Nies li qegħdin jimxu u jivvjaġġaw biex isibu post sikur fil-periferiji, imma llum ma fadal imkien sikur fl-Ukrajna. Il-periklu jinsab kullimkien għan-nies li fadal u li qegħdin jiddefendulna artna.”
Staqsejt lil Olena taħsibx li mill-aħbarijiet qed jaslulna d-dettalji kollha ta’ dak li eventwalment qiegħed iseħħ f’pajjiżha. Qaltli li le, mhux kulħadd jaf x’inhu jiġri b’mod dettaljat. “Ir-Russi qed jistupraw anki tfal, anki trabi… u jkunu kuntenti u kburin li jagħmlu oxxenitajiet bħal dawn u jibagħtu videos lil ħbieb tagħhom fir-Russja. Smajna anki telefonati ta’ suldati lil marthom jew ħbiebhom jiftaħru kemm serqu oġġetti minn djar ta’ Ukreni, dehbijiet u anki ħwejjeġ. Jiftaħru kemm qatlu nies. Qegħdin jistupraw tfal żgħar quddiem ommijiethom stess… uħud minnhom jibqgħu sakemm joqtluhom. Oħrajn jorbtulhom idejhom u mbagħad jisparawlhom. Jaraw persuna miexja fit-triq, mingħajr provokazzjoni ta’ xejn, u jisparaw fuqha minn fuq it-tankijiet. Jisparaw anki fuq karozzi li jkunu qed iwasslu għajnuna umanitarja għat-tfal. Suldati Russi qatlu anki annimali, pets, quddiem is-sidien tagħhom, hekk, għall-gost u biex jaraw is-sidien tagħhom isofru.
“Dawn l-atroċitajiet lanqas l-annimali ma jagħmluhom. L-annimali ma joqtlux lil xulxin hekk, għall-gost, b’vendikazzjoni. Kollha dokumentati u ppruvati l-affarijiet li qed ngħidlek. Inħossni qed ngħix fi ħmar il-lejl u ma nistax inqum minnu.”
Staqsejtha x’tip ta’ emozzjonijiet tħoss meta tisma’ aħbarijiet tat-tkexkix bħal dawn. “Meta niftakar fin-nies li naf u li qegħdin f’dak il-periklu, nitwaħħax. Ma nibżax li jmutu f’xi splużjoni daqskemm li jmutu mewta b’ħafna tbatija u moħqrija, torturati, stuprati b’qilla jew bħal xi nies li qegħdin imutu bil-ġuħ. Ħadd ma jixraqlu mewta bħal din. Dawn nies innoċenti, nies li jħobbu l-paċi.”
Olena fakkritni li mhux kulħadd seta’ jaħrab minn dawn iz-zoni tal-gwerra jew mill-pajjiż. “Tinsiex il-persuni b’diżabbiltà, anzjani li bilkemm jifilħu jimxu jew qegħdin fis-sodda dipendenti minn ħaddieħor. Il-‘carers’ tagħhom jista’ jkun li ħarbu, jew li nqatlu, u dawn qegħdin hemm weħidhom jistennew xi ħadd li jsalvahom, ma jistgħu jmorru mkien. Hemm persuni f’wheelchairs u oħrajn li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali. Nies li qegħdin jistennew biss il-mewt tasal fuqhom illum jew għada.
Il-President Zelensky
Staqsejt lil Olena l-opinjoni tagħha fuq il-President Ukren Volodymyr Zelensky u r-reżistenza li qed joffri lill-qawwiet Russi. “Huwa l-eroj tagħna. Fil-bidu tal-gwerra l-President Zelensky kien offrut post sikur fejn seta’ jaħrab u jistkenn, imma hu rrifjuta l-offerta. Jaf li hu l-mira ewlenija, hu u l-familja tiegħu, imma xorta baqa’ hemm, jipproteġi lilna lkoll u l-pajjiż tagħna. Għandi ammirazzjoni kbira lejh u nħossni tassew rikonoxxenti. Ma naf bl-ebda President ieħor daqshekk kuraġġuż u determinat li jiddefendi l-poplu tiegħu b’dan il-mod.
“Zelensky qed jagħti eżempju u jixpruna oħrajn f’eżerċizzju kbir ta’ solidarjetà u għaqda bejnietna, kulħadd jipprova jara lil min jista’ jgħin. Smajna bi stejjer ta’ suldati Ukreni li minkejja l-periklu jidħlu fi djar vojta ta’ persuni li ħarbu sempliċement biex isaqqulhom il-pjanti jew is-siġar tagħhom bit-tama li jekk ma ddumx ma tintemm il-gwerra u jiġu lura, isibuhom ħajjin. Daqshekk hi kbira s-solidarjetà ta’ bejnietna.”
Staqsejt lil Olena dwar kemm it-tfal tagħha llum għandhom għarfien ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżhom. Qaltli li huma ppruvaw jaħbulhom kemm jistgħu u meta rawha tibki ġurnata sħiħa, qaltilhom li kellha xi wġigħ u dalwaqt jgħaddilha. Imma mbagħad mill-iskola saru jafu li l-uġigħ ta’ ommhom kien dak kawżat mill-gwerra kiefra, qalila u inġusta li kien għaddej minnha pajjiżha. “Lit-tfal illum inkellmuhom fuq il-kruha tal-gwerra imma ma ngħidulhomx id-dettalji tal-atroċitajiet li semmejtlek. Meta jikbru iktar ikunu jafu kollox.”
Kultant Olena tieħu pawsa qasira u għajnejha jħarsu ’l bogħod… “Ma nista’ nsib l-ebda ġustifikazzjoni għal din il-gwerra, ma tagħmel l-ebda sens li n-nies ibatu b’dan il-mod inutilment. Il-propaganda qawwija qed tirbaħ fuq is-sabiħ tal-ħajja. Qed jgħidulhom li l-Ukreni ma jixirqilhomx li jibqgħu ħajjin, li għandhom imutu kollha. Imma l-Ukreni jibqgħu ħajjin għax huma nies li jħobbu l-ħajja. In-nies li għadhom hemm qegħdin jiddefendu lil xulxin, qegħdin jiddefendu anki l-pets ta’ xulxin, anki l-pjanti ta’ xulxin. Xi darba rridu nerġgħu nibdew nibnuh lil dan il-pajjiż sabiħ tagħna li qed ikissrulna. U mbagħad nixtieqkom tiġu żżuruna u taraw x’pajjiż sabiħ għandna. U taraw, fuq kollox, x’tip ta’ poplu aħna.”
Staqsejt lil Olena x’taħseb dwar ir-reazzjoni tal-Maltin għal din il-gwerra. Qaltli li tinsab impressjonata bis-sapport kbir tal-Maltin lejn il-poplu Ukren f’dawn il-mumenti diffiċli li għaddej minnhom. “Jiena personali rajt tant appoġġ, tant ħniena, tant imħabba… ħa nkun onesta u ngħid li ma stennejtx li se nara f’dan il-pajjiż żgħir daqstant sapport u solidarjetà magħna l-Ukreni. “Il-kollegi tiegħi jgħiduli kuljum biex dak li jkolli bżonn ngħidilhom u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinuni. Apprezzajna ħafna wkoll iż-żjara ta’ Roberta Metsola fi Kiev. Din ma kinetx xi passiġġata f’xi park… kienet riskju kbir anki għal ħajjitha u messaġġ kbir ta’ solidarjetà.”
Olena wrietni ż-żigarella bil-kuluri isfar u blu fuq il-pavru tal-ġlekk tagħha u qaltli li dik tilbisha dejjem, anki waqt li tkun miexja fit-triq, u ġieli tkun qed issegwi l-aħbarijiet u taqbżilha demgħa minn għajnejha u ssib min iwaqqafha u jistaqsiha għandhiex bżonn xi ħaġa u juruha l-appoġġ tagħhom għar-reżistenza tal-Ukreni għall-gwerra li għaddejjin minnha. “Ninsab tassew grata lejn il-komunità Maltija li ssorprendewni bl-appoġġ kbir tagħhom.”
Kompliet tgħidli li meta tara poplu daqshekk żgħir imma b’qalb kbira, tagħmel kuraġġ. “Naħseb bejni u bejn ruħi li jekk fid-dinja hawn tant mibegħda u nies li jemmnu fil-gwerer, daqstant ieħor fuq in-naħa l-oħra hawn qlub tajba li jemmnu fil-paċi u l-ħniena. Jiena nemmen li mhux jekk imma meta l-Ukrajna tirbaħ, tkun rebħa għall-paċi u t-tjubija tan-nies. Tkun rebħet id-dinja kollha, mhux l-Ukrajna biss.
“Għax jien nemmen li għal kollox hemm raġuni. Din il-gwerra ma niġġustifikaha bl-ebda mod, imma żgur li qed tiftħilna għajnejna biex waqt li nipproteġu lilna nfusna, nipproteġu wkoll il-kumplament tad-dinja. Għax bħalissa ħadd ma jista’ jħossu sikur, għandna t-theddida tal-armi nukleari, smajna diġà t-theddida lil pajjiżi oħra għax iridu jiddeċiedu huma l-futur tagħhom. Din mhijiex il-gwerra tal-Ukrajna imma l-gwerra ta’ kulħadd. Lil min nisma’ jgħid li din hi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna nikkoreġih u ngħidlu li din hi l-gwerra tar-Russja kontra l-umanità.
Biex nikkonkludi l-intervista staqsejt lil Olena x’inhi l-akbar xewqa tagħha llum…
“Dik li nqum għada filgħodu u nisma’ l-aħbar li l-gwerra ntemmet u li lkoll nistgħu nerġgħu mmorru lura lejn darna… u nibdew flimkien nerġgħu nibnu l-pajjiż li kissrulna. U mbagħad nittama li dawk kollha li għenuna f’dan il-mument iebes u krudili, jiġu jżuruna u jaraw b’għajnejhom x’pajjiż sabiħ hu l-Ukrajna, jaraw x’nies ta’ qalb tajba jgħixu fih.
“U nittama wkoll li wara li jkun għadda kollox u nkunu rbaħna l-gwerra, ma ninsewx, qatt, qatt u qatt, dak li nkunu għaddejna minnu. Għax nibża’ li konna bdejna ninsew minn xiex għaddew ta’ qabilna wara t-tieni gwerra dinjija. Intom il-Maltin tafu sew xi jfisser li tkun bumbardjat. Imma naħseb li lkoll bdejna ninsew. U ħażin li tinsa. Nittama li l-poplu tagħna ma jinsa qatt dak li għaddej minnu bħalissa. Għax b’hekk biss jista’ jkun dejjem b’għajnejh miftuħa għal dak li jista’ jiġri fil-futur u nassiguraw li ma nħallu qatt ħaġa bħal din tiġri lill-ebda pajjiż ieħor fid-dinja… qatt u qatt iktar.”
Bid-dmugħ f’għajnejha Olena qaltli li tixtieq li jkollha l-opportunità li issa stess tmur f’pajjiżha u kif tasal titbaxxa u tbus l-art… “qatt ma ħassejt daqshekk imħabba lejn pajjiżi, lejn in-nies li qed ibatu, u lejn dawk kollha li qed jappoġġjawna u jgħinuna.”
Konvinta, Olena, li l-Ukrajna se tirbaħ din il-gwerra? Weġbitni mingħajr l-ebda eżitazzjoni: “Da’żgur! Dejjem tgħallimt li d-dawl jirbaħ fuq id-dlam… It-tajjeb finalment jirbaħ dejjem fuq il-ħażen. Aħna m’aħniex niġġieldu għax irridu xi art ta’ ħaddieħor, għax irridu ngħixu f’dar li mhijiex tagħna. Aħna rridu biss ngħixu f’pajjiżna mingħajr theddid ta’ ħadd. Aħna se nirbħu għax ninsabu fit-tajjeb. M’aħna nigdbu lil ħadd, m’aħna nweġġgħu lil ħadd. Irridu biss niddefendu u nirbħu lura dak li hu tagħna. Jiena fiduċjuża li aħna se nirbħu… u r-rebħa mhijiex ’il bogħod.”
//= $special ?>