Għawdex Lokali

Fawaz Najem hu l-vittma tal-omiċidju f’Għawdex

Il-vittma tal-omiċidju li seħħ is-Sibt filgħaxija f’Għawdex ġie ddentifikat bħala Fawaz Najem, Sirjan ta’ 25 sena li kien jgħix f’pajjiżna.

Jidher li kollox beda s-Sibt filgħodu bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani ġewwa bar qrib il-Port ta’ Marsalforn. Ġlied ma jaqta’ xejn tant li l-persuni involuti spiċċaw iwaddbu l-kafè lil xulxin u anke ġew fl-idejn. Fil-fatt, jidher li dan il-ġlied wassal biex xi persuni sofrew xi ġrieħi ħfief.

L-argumenti baqgħu għaddejjin sa filgħaxija tant li l-ġlied kompla jisħon iktar minn qatt qabel. U kien propju f’appartamenti f’Marsalforn stess fejn kollox eskala… b’dawk involuti użaw dak kollu li sabu madwarhom bħala arma, fosthom injam, siġġijiet u skieken.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet li għaddejjin qalu ma’ Net News li Najem possibilment ipprova jikkalma s-sitwazzjoni iżda minflok spiċċa qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina. Minnufih tlieta minn sħabu ħaduh dritt l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, b’Najem kien diġa’ mitluf minn sensih.

Sfortunatament, minkejja l-isforzi ta’ tim mediku fl-Isptar, Najem miet ftit tal-ħin wara.

Iktar tard, fl-istess Sptar iddaħħlu tliet irġiel oħra kawża ta’ ġrieħi li ġarbu mill-istess ġlieda.

Meta wasslu fuq il-post, ftit wara d-disgħa ta’ filgħaxija, il-Pulizija sabu sinjali ta’ dmija kemm fuq ġewwa u anke fuq barra tal-appartament, li jinsab fi Triq il-Wied.

L-investigazzjoni tal-Pulizija wasslet biex jiġu arrestati t-tliet irġiel li daħħlu lill-vittma l-Isptar u raġel ieħor.