Edukazzjoni Lokali Saħħa

Il-Gvern bla pjan konkret dwar is-sigurtà fl-iskejjel

Fil-bidu tal-ġimgħa l-oħra, is-sit LovinMalta żvela kif allegatament flixkun tal-ilma ta’ għalliema fl-eks Liċeo tal-Ħamrun, illum l-Iskola Sekondarja San Ġorġ Preca, kienet ivvelenat b’xi xorta ta’ kimika u hi ntebħet b’dan meta xorbot minnu bil-konsegwenza li ħalqha ntela’ bir-rawa, irremetiet u kellha tiġi kkurata.

U din il-ġimgħa, filmati li kien qed jiċċirkola fuq il-mezzi soċjali ppubblikat mis-sit newsbook.com.mt wera studenti jgaraw l-imwejjed u student ieħor jitla’ bil-wieqfa fuq il-mejda tal-għalliema fl-Iskola Sekondarja Tal-Ħandaq, b’persuni li tkellmu mal-istess sit jgħidu li f’din l-iskola hemm “rata allarmanti ta’ vandaliżmu, ġlied bejn l-istudenti u qżież”.

Meta mistoqsi min-NET News dwar kif se tissaħħaħ is-sigurtà, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Cliffton Grima, qal li jikkundanna dan l-aġir u esprima s-solidarjetà tiegħu mal-għalliema ivvelenata:

“Ikkolaborajna bħala dipartiment propju mal-awtoritajiet kollha kkonċernati, inkluż ir-rapporti li saru lill-Puliizija biex tinvestiga dak li għandu jsir u hemm il-proċess li issa mhuwiex f’idejn il-Ministeru.”

Iżda naqas milli jirrispondi fil-konkret xi pjani hemm biex tissaħħaħ is-sigurtà, bil-Ministru jkun reattiv. 

“L-edukazzjoni hija kruċjali f’dan kollu. Irridu nkomplu nisħqu fuq l-edukazzjoni. L-att fih innifsu huwa wieħed li għandu jistmerru u nikkundannawh. Però ejja naraw li l-istudenti li għamlu dan jingħataw l-għajnuna u t-tagħlim biex ma jerġgħux jirrepetu dan kollu. (…) Fil-konkret qed naħdmu fuq it-tajjeb li diġà hemm. Ejja ngħidu li diġà hemm miżuri fis-seħħ li jħarsu lejn il-ħarsien tal-istudenti u l-għalliema.”

…tweġiba li ftit tagħti soljev, għaliex il-miżuri li diġà hemm fis-seħħ ma rnexxilhomx jipprevjenu dawn il-każijiet ta’ abbuż kemm fuq l-għalliema u anke fuq l-istudenti.