Il-kantant Bono u sieħbu The Edge tal-grupp tar-Rock U2 ipprovdew perjodu ta’ ferħ rari f’dawn il-jiem mudlama għall-Ukrajna, Dan meta huma, fi tmiem il-ġimgħa, għamlu kunċert sorpriża fil-metro ta’ Kiev, bħala wirja ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren.
Bono – li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni mad-dilettanti tal-mużika u li hu wkoll ikona internazzjonali – faħħar il-ġlieda tal-Ukreni għal-libertà meta pajjiżhom qed iġarrab l-agħar attakki tal-aggressuri Russi. Hu, intant, kanta numru ta’ kanzunetti klassiċi tal-U2 fosthom ‘Sunday Bloody Sunday’, ‘Desire’ u ‘With or without you’.
Preżenti għall-kunċert kien hemm numru ta’ suldati Ukreni li kienu rritornaw fin-naħa t’isfel ta’ Kiev wara jiem ta’ kumbattimenti kontra l-militar Russu.
U forsi l-aktar xena kommoventi waqt il-kunċert kien id-dwett, fil-metro bejn Bono u l-kantant Taras Topolya, tal-grupp Antytila u li llum qed iservi fl-Armata Ukrena. Huma kantaw cover version tal-kanzunetta Stand By Me, bis-suldat-kantant jappella biex id-dinja ma żżommx lura mill-appoġġ għall-Ukreni f’dan iż-żmien diffiċli.
Il-kunċert seħħ waqt li, fil-kapitali Ukrena, kienu qed jinstemgħu s-sireni li jwissu dwar ir-rejds imminenti tar-Russi – u meta komplew il-battalji fid-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Waqt l-intervall tal-kunċert Bono għamel diskors qasir li fih enfasizza li l-Ukreni mhumiex qed jiġġieldu biss għal-libertà iżda għal kulmin iħobb il-libertà madwar l-Ewropa. Il-kantant-kompożitur Irlandiż ilu s-snin iservi bħala protagonista għall-kawżi umanitarji u kemm-il darba appoġġja impenji ewlenin bħall-ġlieda kontra l-faqar u l-kampanji għall-protezzjoni kontra l-AIDS.
//= $special ?>