Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li l-qawwiet Russi li invadew lill-Ukrajna qegħdin jiġġieldu għall-futur ta’ pajjiżhom — filwaqt li akkuża lill-Punent u l-Alleanza tan-NATO bħala ‘l-aggressuri’ f’sitwazzjoni li fetħet possibbiltà ta’ konflitt mifrux madwar l-Ewropa.
Putin qal dan waqt id-diskors annwali għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ‘Jum ir-Rebħa’ – meta d-9 ta’ Mejju jimmarka l-anniversarju ta’ meta l-Ġermanja Nażista spiċċat megħluba waqt it-Tieni Gwerra Dinija u li hu wkoll l-akbar festa għar-Russi.
Iżda minkejja t-tħassib li Putin kellu jħabbar eskalazzjoni tal-konflitt fl-Ukrajna, il-Mexxej Russu għażel biss li jiddefendi u joħroġ l-iskużi għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin.
Putin anki prova joħloq il-paraguni bejn il-konflitt attwali u r-rebħa militari tal-eks Unjoni Sovjetika fuq in-Nażisti, fl-1945. Dan waqt li hu kkundanna lill-Punent u lin-NATO talli ‘ċaħdu d-domandi tar-Russja biex taċċerta mis-sigurtà tagħha’.
Illum – kważi għaxar ġimgħat mill-bidu tal-invażjoni – il-vittmi ċivili qed ikomplu jiżdiedu fl-artijiet Ukreni li għadhom taħt assedju.
Iżda Vladimir Putin – li kien imdawwar bl-ogħla fizzjali militari tal-Kremlin — għażel li jiġġustifika din il-gwerra b’li jirreferi għall-Ukreni bħala ‘faxxisti’; fost ripetizzjoni tal-akkużi infondati li l-Gvern demokratiku tal-Ukrajna hu mmexxi min-neo-Nażisti.
Putin, fid-diskors, irrefera għar-reġjun tal-Ukrajna lejn il-Lvant u sostna li l-militar Russu ‘qed imexxi l-azzjoni militari ( hemmhekk) biex jiddefendi lin-nies tad-Donbas l-istess bħaċ-ċittadini tar-Russja’. Dan meta d-Donbas, fejn hemm preżenza kbira ta’ separatisti li jappoġġjaw lil Moska, saret il-mira ewlenija tal-offensiva tal-Kremlin fl-Ukrajna.
Intant, Putin allega li ‘in-NATO u l-Ukrajna kienu qed jippjanaw biex jinvadu l-artijiet storiċi tar-Russja’. Hu imbagħad akkuża lill-Ukreni dwar ‘pjani biex huma jiksbu l-armi nukleari’ — u lin-NATO ‘dwar il-manuvri ostili tagħha qrib il-fruntiera tar-Russja u li servew kontinwament bħala theddida għal Moska’.
//= $special ?>