Lokali

Il-PN irid li l-Parlament ikompli jissaħħaħ

Minkejja li fl-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex jara li l-Parlament – bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – ikompli jissaħħaħ.

Dan hu l-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Deputat Speaker David Agius, kif ukoll mis-Segretarju u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret ftit sigħat biss qabel l-ewwel sessjoni tal-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra, fejn ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista ressqu diversi proposti pożittivi li juru kif irid bis-serjetà li jogħla r-rispett lejn il-Parlament Malti.

David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li jinħatar Kumitat Permanenti li jiffoka fuq il-Ġustizzja u li, għalkemm b’maġġoranza ta’ membri mill-Gvern, ikun immexxi mill-Oppożizzjoni bħalma hu l-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi li jinħoloq Sotto-Kumitat dwar id-Dijabete u ieħor dwar l-Obeżità… li jkunu taħt il-Kumitat tas-Saħħa.

Min-naħa tiegħu, Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li, bħalma jiġri fir-Renju Unit, kull nhar ta’ Erbgħa f’nofsinhar tinżamm sessjoni ta’ Mistoqsijiet Parlamentari lill-Prim Ministru.

Fl-istess waqt, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom juru rispett anke lejn il-poplu billi jimpenjaw aktar ruħhom ħalli jwieġbu il-Mistoqsijiet Parlamentari li jsirulhom.

Robert Cutajar qal li l-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni u backbenchers oħrajn għandu jkollhom impjegati mħallsin mill-Istat biex jgħinuhom fil-ħidma u r-riċerka tagħhom. Dan filwaqt illi fakkar li l-Kap tal-Oppożizzjoni hu intitolat biss għal xufier.

Il-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi li tkun prijorità li fil-Parlament jinħoloq servizz ta’ childcare centre għal ulied id-Deputati iżda wkoll għal ulied l-impjegati tal-istituzzjoni. Dan biex il-Parlament juri li verament għandu l-miżuri favur il-familja għal qalbu.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid ukoll li l-ħin allokat għall-Oppożizzjoni biex tressaq liġijiet ġodda jiżdied minn darbtejn biss fis-sena għal possibbiltà ta’ kull ġimgħatejn. Dan filwaqt li jara li ssir diskussjoni dwar aktar rapporti li jitressqu u li jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.