Lokali Parlament

Jeħtieġ azzjoni quddiem sfidi ġodda ta’ ugwaljanza

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet li jeħtieġ azzjoni mmedjata quddiem l-isfidi ġodda ta’ ugwaljanza li qed tiffaċċja s-soċjetà.

Fil-parlament, Graziella Attard Previ qalet li din hi l-ewwel leġiżlatura li fiha hemm rappreżentanza ta’ social worker, li hi l-vuċi qawwija għall-vulnerabbli. Hi sostniet li bħala social worker hi se twassal din il-vuċi fil-parlament; li għandu poter kbir biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Għandu jkun assigurat għarfien, dinjità, trasparenza, djalogu u umiltà; li huma l-valuri u l-istandards tal-ħidma tad-deputati kollha.

Il-Gvern għandu jaħdem mal-Oppożizzjoni, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li saħqet li l-Oppożizzjoni se tkun qed twettaq il-viġilanza neċessarja. Nemmen iktar fid-djalogu, fir-rispett u fid-diskussjoni minflok fil-konfront, sostniet Attard Previ.

Hi trattat l-ugwaljanza, id-drittijiet umani u tat-tfal u qalet li kull individwu għandu l-istess opportunità li jagħmel l-aħjar minn ħajtu bla ma jkollu żvantaġġi. Jeħtieġ li jkun assigurat li l-inizjattivi jkunu ġusti u aċċessibbli minn kulħadd, sostniet Attard Previ, li kompliet li qed jinħolqu sfidi ġodda ta’ ugwaljanza.

Fosthom hemm is-sitwazzjoni tal-familja fejn is-seperazzjonijiet qed jiżdiedu bi sfidi ġodda għall-Istat. Dan qed iġib ukoll sfidi ġodda għat-tfal vulnerabbli.

In-numru ta’ nisa jaħdmu żdied, li jfisser li hemm iż-żewġ persuni fil-kopja qed jaħdmu bl-isfidi li dan iġib miegħu. Malta għandha l-inqas rata ta’ fertilità fl-UE, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li ħafna drabi jridu jkunu l-ommijiet li jsiru kompromess bejn il-familja u x-xogħol. Jeħtieġ għalhekk bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, sostniet Attard Previ, li kompliet li l-parental leave għandu jkun estiż għaż-żewġ ġenituri biex jinħoloq ambjent iktar ekwu.