Lokali Parlament

Jeħtieġ sinerġija bejn il-partijiet kollha fl-ippjanar

Stanley Zammit, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit sostna fil-parlament li jeħtieġ sinerġija bejn il-partijiet kollha fl-ippjanar.

Stanley Zammit qal li jeħtieġ azzjoni deċiżiva favur l-ambjent u sostna li l-parlament qed ikun sfidat għal stil ta’ politiku ġdida; politika onesta u trasparenza li tiġġieled l-impunità indukrata mill-gvern ta’ qabel. Hu qal li fl-ippjanar, ir-rieda tal-poplu qed tkun sfidata u għalhekk il-parlament irid jassigura ġustizzja ma’ kulħadd.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza tal-ippjanar ħolistiku u qal li l-gvern irid imexxi bl-eżempju waqt li jipprowomi sinerġija bejn il-partijiet kollha.

Hu qal li għandu jkun hemm parteċipazzjoni iktar effettiva tal-għaqdiet ambjentali u tal-kunsilli lokali fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Hu tkellem dwar l-importanza tal-konsultazzjoni li għandha ssir obbligatorja u enfażizza li l-poplu għandu jkollu dritt li jressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu. M’għandux ikun hemm tfixkil burokratiku anzi jkun hemm reviżjoni tal-pjani lokali u tal-policies ambjentali.

Id-deputat Nazzjonalista enfażizza l-importanza tal-governanza tajba u qal li ż-żona ta’ Wied Żnuber m’għandhiex tintradam taħt it-terrapien u l-konkos. Hu appella biex ikun protezzjoni għall-ambjent u biex ma jinbnew barumbari enormi madwar il-lokalitajiet.

Stanley Zammit qal li l-iżvilupp m’għandux ikun ikkunsidrat bħala attività ta’ ħsara iżda l-pajjiż għandu jimxi lejn żvilupp sostenibbli. Il-kredenzjali tal-ESG hu kunċett kruċjali fl-ippjanar; l-Oppożizzjoni lesta tikkollabora għall-bini ta’ sistema mkejla fuq dan il-kunċett.