Raġel ta’ 64 sena li qed jiġi akkużat fuq importazzjoni ta’ seba’ kilos eroina fl-2005 ppreżenta rikors ieħor fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali. Kwantità kbira ta’ droga kienet se tiddaħħal Malta bil-baħar fl-inħawi taċ-Ċirkewwa, allegatament minn Joseph Lebrun u żewġ persuni oħra.
Joseph Lebrun, li qed jistenna li jgħaddi ġuri – qed jitlob lill-Qorti biex tiddikjara li l-fatt illi fil-proċeduri kriminali fejn ġie esebit CD li ma kienx l-oriġinali li fuqu ġew trasferiti r-recordings ta’ l-allegati telefonati, minħabba li saru t-traskrizzjonijiet tal-kontenut tac-CD mill-eks Supretendent u wara Assistent Kummissarju Neil Harrison, li ma kienx espert indipendenti.
Sadanittant minħabba li t-traskrizzjonijiet ma jirriflettux id-diskors kollu u/jew id-diskors ma kienux transkritti f’mod kronoloġiku kif seħħ, dan jilledi d-drittijiet ta’ l-esponent għas-smiegħ xieraq hekk kif sanċiti fl-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja għad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem.
Lebrun qed jitlob lill-Qorti biex tagħmel dawk l-ordnijiet, toħroġ dawk l-atti u tagħti dawk id-direttivi li tqis xierqa, sabiex twettaq, jew tiżgura t-twettiq tad-drittijiet fundamentali tal-akkużat, fosthom illi tordna l-isfilz tal-‘compact disc’ u t-traskrizzjonijiet magħmula mis-Supretendent Neil Harrison, u x-xhieda tas-Supretedent Neil Harrison in kwantu tirreferi għal dawn id-dokumenti, u dan taħt dawk il-provedimenti li jidhrilha xierqa u opportuni.
Lebrun ilu jsostni dwar il-mod kif is-Servizzi tas-Sigurtà u l-Pulizija irrilevaw informazzjoni telefonika, li huwa jsostni li kien imur kontra d-drittijiet tal-bniedem. Il-Qorti tal-Maġistrati ma kinetx sabet biżżejjed raġunijiet biex Joseph Lebrun jitqiegħed taħt att ta’ akkuża u kien ġie illiberat. Madanakollu din id-deċiżjoni ġiet appellata mill-Avukat Ġenerali.
Lebrun fetaħ diversi proċeduri kostituzzjonali, fejn qed isostni li l-proċedura tal-Avukat Ġenerali ma kinitx konformi mal-Konvenzjoni Ewropea, dawn il-proċeduri kien fetaħhom fl-2018. Huwa kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) fis-6 ta’ Settembru, 2005 fejn kien ġie akkużat li assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni oħra f’Malta jew barra minn Malta sabiex ibiegħ jew jitraffika l-eroina f’Malta;
Li mporta jew ġiegħel li tiġi importata jew għamel xi haġa sabiex tiġi importata l-eroina f’Malta. Li forna l-imsemmija droga u li kien fil-pussess tagħha.. Huwa qal li wara proċess fit-tul fejn il-Qorti Istruttorja kienet anke lliberatu fl-istadju tal-prima facie, fejn wara, permezz ta’ intervent leġislattiv reġa tressaq il-Qorti, finalment il-każ tiegħu jinsab pendenti quddiem il-Qorti Kriminali.
Fil-fatt inħarġet l-att ta’ l-akkuża u l-Qorti Kriminali diġa kellha okkażjoni tiddeċiedi fuq l-eċċezzjonijiet preliminari però l-ġuri jinsab sine die pendenti proċeduri kostituzzjonali. Minn eżami ta’ l-atti rriżulta li l-każ tal-prosekuzzjoni huwa bbażat fuq CD allegatament kontenenti interċezzjoni ta’ diversi telefonati u t-traskrizzjoni tal-kontenut ta’ dak ic-CD.
Lebrun qed jgħid li s-Servizz Sigriet beda jinterċetta ċertu nies in konnessjoni mal-każ. Waqt il-kumpilazzjoni li kienet qed tinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kien ġie eżebit ‘compact disc’ b’diversi data files allegatament kontenenti r-reġistrazzjoni ta’ konversazzjonijiet bejn diversi persuni.
Skond il-prosekuzzjoni wieħed minn dawk il-persuni huwa Lebrun. Ġew esebiti wkoll dak li l-prosekuzzjoni ssostni li huma traskrizzjonijiet tal-kontenut tal-‘compact disc’. Waqt l-istess kumpilazzjoni xehed is-Supretendent Neil Harrison nhar it-23 ta’ Settembru 2005 fejn qal li kien għamel it-‘transcripts’ tat-telefonati li kien għaddielu d-Direttur tas-Servizz Sigrieti.
Il-Qorti tal-Maġistrati li quddiemha kienet qed tinstema l-kumpilazzjoni innominat lil Martin Bajada bl-inkarigu li jagħmel eżerċizzju ta’ lokaliżżazzjoni ta’ ċerti telefonati u biex ssir “voice compression” ta’ wħud mit-telefonati ma’ oħrajn sabiex jiġi stabbilit l-involviment jew le ta’ l-imputat.
Fir-rapport tiegħu, Martin Bajada innota illi l-‘compact disc’ mogħti lilu ma kienx l-oriġinali li fuqu ġew trasferiti r-recordings, u illi meta huwa sema’ r-recordings u qara t-traskrizzjoni irriżulta li t-traskrizzjoni ma kienitx tirrifletti d-diskors kollu u/jew id-diskors ma kienx transkritt b’mod kronoloġiku kif seħħ. Lebrun huwa rrappreżentat mill-Avukati Franco Debono, Josè Herrera, u David Camilleri.